Ittra miftuħa lill-Prim Ministru mingħand persuna fin-negozju fil-Belt Valletta

Għażiż Sur Prim Ministru,

L-istennija ma hi tajba għal ħadd, speċjalment għalina li nistennew il-perjodu tal-Milied biex nippruvaw naqilgħu lira. Jekk tista’ taqta’ ras din l-istennija kollha, jiġifieri jekk hux se tgħajjat l-elezzjoni jew le, jkun ta’ ġid għall-pubbliku kollu. Ma aħniex nindaħlulek jekk hux se tgħajjatha f’Novembru/Diċembru jew le, dik hija totalment biċċa xogħol tiegħek, imma almenu tneħħi l-ħsieb minn moħħ il-ħafna nies li tinkwithom elezzjoni.

La laħaq ħareġ l-għajdut li l-elezzjoni se tissejjaħ fil-ġimgħat qarib, trid tkun int u int biss li toqtol din id-diċerija jew inkella tikkonfermaha. Għandek kull dritt tieħu ż-żmien tiegħek, biss ftakar li anke aħna għandna dritt inħarsu lejn il-bejgħ tal-Milied bi trankwillita’ u kalma neċessarja f’pajjiżna.

Aħna poplu li l-elezzjonijiet intuhom, forsi mhux tajjeb ukoll, ħafna mportanza iżjed minn pajjiżi oħra Ewropej u allura qabel elezzjoni kollox qisu jikkalma jew jikkwieta. Lanqas hu sewwa li nkunu nafu jekk hux ser issir f’Novembru jew Diċembru by default, jiġifieri b’mod awtomatiku għax ikun qabeż iż-żmien li tista’ tissejjaħ l-elezzjoni.

Naħseb issa hu doveruż li xxandar jew tagħti indikazzjoni ta’ x’se jiġri jew x’mhux se jiġri. Inti taf biżżejjed li meta toqrob elezzjoni xi daqsxejn jisħnu l-irjus u allura għat-trankwillita tal-pajjiż, ikun aħjar li almenu tiġi ddikjarata jekk għandniex elezzjoni din is-sena jew le.

Il-mod kif pajjiżna hu polarizzat jagħmel effett qawwi fuq l-imġieba ġenerali tal-poplu meta navviċinaw elezzjoni. Anke votazzjoni fuq livell lokali tqajjem ċertu tħassib fil-pajjiż aħseb u ara elezzjoni ġenerali, meta l-irjus jisħnu ftit iżjed.

Veru li għal grazzja ta’ Alla, l-atti vjolenti spiċċaw u tħallew biss għall-istorja, imma xorta l-politika tisboq kull argument ieħor fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni. Huwa dan l-uniku argument tiegħi, li la hemm dak iċ-ċans li elezzjoni ssir fiż-żmien li aħna n-negozjanti nkunu qed nistennew matul is-sena kollha, ikun aħjar għal kulħadd li tiddikjara jekk tkun se tgħaddi iż-żmien tal-elezzjoni għas-sena d-dieħla.

Biex inkun għidt kollox għalina li l-Milied ifisser ftit iżjed minn ħaddieħor, ngħidulek li jekk ma tagħmilix issa jkun aħjar għalina, imma jekk inti tħoss li għal ġid tal-pajjiż ikun aħjar jekk issir din is-sena, għandek kull dritt imma jekk tista’ sejjaħha kemm jista’ jkun malajr ħalli anke aħna ngħarfu nadattaw għaċ-ċirkostanzi neċessarji.

Wara tant Milied u festi tal-ewwel tas-sena li ma tantx kienu tajbin għalina, qed inħarsu lejn dawn il-festi b’ħerqa. Ma nixtiqux li jkunu affettwati bi stennija ta’ elezzjoni li normalment iġġib magħha tnaqqis fir-ritmu tal-bejgħ.

One comment

Leave a Reply