Il-Partit Nazzjonalista qed jistħi jgħid fil-media tiegħu li hu favur il-morning after pill u spiċċa f’bixra skiżofrenika!
Blog post minn Dr. Hermann Farrugia
Il-Partit Nazzjonalista issa laħaq iġġenera ossessjoni pressanti li irid akkost ta’ kollox inaqqas id-distakk elettorali almenu bin-nofs jekk mhux bil-bosta ifjen minn hekk ukoll. Fil-proċess, il-partit bil-mod il-mod qiegħed jirrendi ruħu irrikonoxxibbli. Qiegħed jaddotta bixra skiżokerinika fejn il-personalita’ tiegħu qiegħda tisfa’ disintegrata. Huwa għalhekk li ħsibietu, qalbu u mġiebtu qegħdin jissawwru u jitħallew jidhru ddistakkati funzjonalment minn ma’ xulxin bla ebda koordinament bejniethom.
Dan huwa l-gist ta’ dak li kont irrimarkajt lill-ogħla ċrieki li llum saru jiddettaw mhux biss l-organizzazzjoni funzjonali u l-istrateġija elettorali tal-partit iżda sewwasew l-orjentament tal-principji u fehmiet bażiċi li għandhom jiġu addottati. Atteġġjament awtokratiku b’ċertu arja ta’ impożizzjoni minn fuq ‘l Isfel a skapitu tad-dikjarazzjoni ta’ twemmin kif espressa fl-ewwel taqsima tal-istatut il-ġdid tal-partit fejn sena u nofs ilu unanimament kienet ġiet maqbula, approvata u mistqarra il-‘MISSJONI u VIŻJONI’ tal-Partit Nazzjonalista .
Stqarrija li partijiet essenzjali daqs kemm huma tabilħaqq eżistenzjali tagħha malajr ingħataw il-ġenb mid-diriġenza l-ġdida li daħlet għall-ħidma sena ilu… u dan b’mod opportunist-populist bit-tir ewlieni li tiġi akkomodata fazzjoni żagħżugħa b’mentalita’ intransigenti u għal kollox liberali u anke ta’ xeħta pjuttost edonistika. Kif aħjar minn hekk jista’ jinftiehem l-attentat tal-presidentessa għas-suppost ‘riċerka politika’ li ‘in-tandem’ ma’ grupp ristrett ta’ kollaboraturi-akkolti tagħha, (wħud minnhom issa approvati kandidati ġodda tal-partit) qabdet u ġiet titmellaħ mill-etika stipulata mill-istess statut u intenzjonalment għamlet mezz kif timponi il-fehmiet tal-‘grupp’ tagħha fuq il-public policy uffiċjali tal-partit.
Sfortunatament ninnota li dil-attitudini fażulla daqs kemm hi ardita ma setgħetx tkun f’sitwazzjoni li taqbad u tixxettel mingħajr il-kunsens dirett tal-kap tal-partit innifsu bl-assistenza ta’ xi whud fid-dirigenza ‘l-ġdida’ magħżula u maħtura minnu stess.
Dil-ġimgħa assistejna għal proġettazzjoni permezz tar-replika għad-diskors tal-budget u kummentarju tal-estimi’22 li kienet tinkludi lista sħiħa ta’ proposti ta’ public policy li sejrin ikunu l-qafas tal-progett elettorali Nazzjonalista li jiġi mniehdi ma jdumx. Ħaġa tal-iskantament kif, avolja l-Policy Cluster 2 (li fil-bidu tiegħu kont ġejt maħtur koordinatur-tekniku) kien ġie fdat jittratta t-temi kruċjali li jaqgħu taħt l-umbrella ‘saħħa u kwalita’ tal-ħajja’ u dan kien ilu minn Mejju li laħaq iffinalizza u ppubblika l-proposti dwar ‘saħħa sesswali u riproduttiva’, dawn forsi mhux b’kumbinazzjoni ma ssemmew xejn fid-diskors tar-replika tal-kap tal-Oppożizzjoni.
U dan il-fatt pjuttost kurjuż kien ġie innutat ukoll f’Settembru fejn ebda proposta speċifika f’dan il-qasam ma’ kienet ittellgħet fis-sett sħiħ tas-sessjonijiet ‘question & answer’ orkestrati b’ċertu dettall fil-programm tal-Indipendenza. Ġara li l-għada tad-diskorsi tar-replika u kontro-replika għall-Budget’22, tittella’ ġewwa d-Dar Ċentrali Konferenza tal-Aħbarijiet speċifikament fuq dan is-suggett indirizzata mix-shadow għas-saħħa flimkien ma’ żewġ kandidati magħżula apposta għall-fehmiet ta’ liberaliżmu sesswali li jħaddnu. Ovvjament ma naqasx li l-istar candidate żagħżugħa li hija dikjaratament pro-xelta fejn esponiet ‘wegħda’ fost oħrajn li “Gvern Nazzjonalista ġdid joffri b’xejn (u b’ebda qafas ta’ formalita’ mediko-edukattiva) kontraċettivi inkluża speċifikament il-pillola tal-emergenza (morning after pill) lit-tfajliet ta’ 16-il sena ‘l fuq saħansitra mill-ispizerija tal-isptar Mater Dei u din tiġi mqassma liberament kuljum lejl u nhar.”
Issa huwa xjentifikament ippruvat li sustanza sintetika ormonali partikulari f’mediċina bħal din taf kimikament tnaffar u saħansitra tostakola għal kollox l-implantazzjoni tal-embrijun u anke tiddistabilizza l-integrita’ bikrija tiegħu fis-saff intern tal-ġuf. Huwa għalhekk li, għax l-istatut tal-partit jispeċifika u jeżiġi ‘rispett u protezzjoni tal-ħajja sa’ minn dan l-istadju l-aktar bikri tal-iżvilupp uman li jseħħ fil-konċepiment / tnissil (jiġifieri anke qabel ma tibda t-tqala stess) li din il-proposta hija assolutament illeġittima fil-qafas ta’ proġett elettorali Nazzjonalista għax hija dijammetrikament opposta għall-fehmiet fundamentali kif manifest fl-ewwel paragrafi tal-istatut il-ġdid.
Huwa probabbilment għalhekk li kienu għaddew biss ftit minuti wara li saret din il-wegħda li d-deputat shadow għas-Saħħa reġa’ fakkar dan li sal-lum espliċitament jistqarr li jemmen fih il-Partit Nazzjonalista. Saħansitra huwa proprju għalhekk li nhar l-Erbgħa li għadda l-uffiċju informazzjoni / grupp editorjali jidher li ta’ direttiva f’waqtha lin-NetNews/NetFM biex it-terminoloġija tal-‘Morning After Pill ‘ma tiġix inkluża fir-rappurtaġġ dwar dil-proposta u kellha tissemma biss il-kelma ġenerika ‘kontraċettivi’ minflokha. Irid jingħad ukoll li anke l-filmat tal-kandidata fin-news item imxandar kien ippreżentat f’sekwenza fejn dil-wegħda speċifika dwar l-M.A.P. offruta b’xejn u kif ġie ġie lin-nisa 16+ u 24/7 ġiet maqtugħa ‘l barra u spiċċat iċċensurata u ma ntweritx.
U kien għalhekk ukoll li kieku l-kumitat amministrattiv, tramite il-kummissjonijiet kandidati / etika u dixxiplina tal-partit kienu rawwmu ftit kuraġġ u wrew ftit dekor, serjeta’ u rispett għall-istess statut li permezz tiegħu huma ġew maħtura, kienet tiġi minnufih miċħuda l-kandidatura ta’ din il-pro-aborzjonista ppatentjata.
Tabilħaqq, skont il-provvedimenti kardinali tal-kundizzjonijiet ta’ sħubija fil-partit elenkati fil-bidunett tal-istatut, kif ukoll dawk ittrattati fit-taqsima tal-etika u dixxiplina, din l-avukatessa żgur li m’għandhiex il-‘kredenzjali’ u rekwiżiti etiċi sabiex tkun membru ttesserata, aħseb u ara ma jistax jitwemmen kif tkun approvata bħala vuċi rappreżentanta tal-messaġġ tal-partit u wisq anqas maħtura mill-kap tal-partit f’rwol iddedikat qisha xi ‘kandidata illustri’
