Il-lista tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss

Blog post minn osservatur politiku

Jekk l-elezzjoni ssir din is-sena, fl-aħħar ta’ Novembru jew il-bidu ta’ Diċembru, jkun iffiser li n-numru ta’ kandidati ġodda fuq il-lista tal-partiti politiċi mhux se tkompli tikber. Ma tantx qed inħossni konvint li n-numru ta’ kandidati ġodda huwa mdaqqas u konvinċenti u ma naħsibx li ser ikun xi tibdil jew żieda ta’ kandidat għall-Partit Nazzjonalista jekk l-elezzjoni ssir is-sena d-dieħla.

Ħa niffoka fuq il-lista fil-Partit Nazzjonalista li donna diġa; ġiet eżawrita minn dak li jidher fuq il-website ‘kun il-bidla’. Hemmhekk issib li n-numru ta’ kandidati ġodda mniżżlin mhux se jkun soprendenti. Il-biċċa l-kbira minnhom ilna nafu li se jikkontestaw numru ta’ xhur u ġew milqugħin fil-Partit żmien twil ilu mhux ħażin.

Nixtieq inkun naf min huma dawk li ġew mgħajta f’dawn l-aħħar żminijiet mill-Partit Nazzjonalista, biex joffru ħinhom u xogħolhom lejn il-partit u l-pajjiż. Għaliex in-numru ta’ kandidati qed ikun limitat? Għaliex mhux qed jinstabu aktar nies li lesti li joffri ħinhom għall-politika? Jista’ jkun hemm l-effett ta’ dawn l-aħħar xhur fejn qed jintefa’ dawl ikrah fuq numru ta’ deputati u l-allegat tiċpis tagħhom mal-korruzzjoni? Jista’ jkun li dawn il-manuvri mhux mistennija qed jitfgħu dell ikrah fuq il-politika ġenerali? Jista’ jkun li la l-eżempju ikaxkar, min jidħol għall-politika jiġi meqjuż li, huwa jew hija lesta li, tiċċappas mal-korruzzjoni? Jiena nispera li dawn l-effetti negattivi fuq il-politiċi minn numru limitat ta’ nies, ma jħalliex timbru daqstant ikrah u iswed fuq kandidati li tħajru jersqu lejn il-politika għall-ewwel darba għall-elezzjoni li ġejja.

Nixtieq li pajjiżna jara aktar nukleu ta’ kandidati żgħażagħ jaffrontaw dan it-traġitt b’passjoni u determinazzjoni. Nixtieq naraw kandidati li d-determinazzjoni tagħhom tissupera kull tentattiv li jfixkel xogħolhom u jressaqhom lejn sitwazzjonijiet xejn feliċi. Pajjiżna għandu bżonn ta’ aktar uċuh minn dawn. Pajjiżna għandu bżonn aktar nies, maskili u femminili, li joffri ħajjithom għall-bżonnijiet politiċi ta’ pajjiżna.

Nawgura li ebda persuna Maltija u Għawdxija ma jħares lejn il-politika bħala pożizzjoni biex biha tiggwadanja imma jħarsu lejn din il-missjoni bħala servizz lejn il-pubbliku u lejn ħuthom Maltin u Għawdxin. Hawn min mhux se jaqbel miegħu, imma meta nara dak in-numru qawwi ta’ avukati li jiggradwaw kull sena, fl-opinjoni tiegħi jibqa’ numru dejjem żgħir dawk li jagħtu s-servizz tagħhom lill-Maltin u l-Għawdxin. Qed insemmi l-avukati għax dawn għandhom punt vantaġġ, meta niftakru li l-membru parlamentari jiġi mgħajjat biex jilleġisla f’ħafna mill-ħin tiegħu jew tagħha fil-parlament. U għalhekk inħoss li l-avukat għandu vantaġġ fuq kull gradwat ieħor għax huwa xogħolu li janalizza u jistudja l-liġijiet li huma l-għodda fix-xogħol tiegħu ta’ kuljum.

Ara taħsbu li b’daqshekk qed inħalli lil xi nies oħra barra. Min ma għandux professjoni tali, għandu oħra li xorta tista’ tgħinu biex ikun effiċjenti fil-parlament. Hemm min mhux gradwat u jagħti sehemu tajjeb ħafna, imma rridu nammetti li dawn ikunu l-eċċezzjonijiet. U għax dawn huma l-eċċezzjoni, nixtiequ li jkunu preżenti fejn tintlagħab il-logħba politika li nixtiequ naraw ħafna iżjed nisa u rġiel li jħossu l-għajta politika bħala vokazzjoni jew strument ideali għall-għajnuna lill-poplu.

Leave a Reply