Shift News tippubblika storja fuq Steward Health Care li tkompli tagħti kredibilita’ lil Adrian Delia
Blog post minn osservatur politiku
Dr. Adrian Delia huwa korrett. Dr Delia għamel sew li fetaħ il-kawża kontra l-korruzzjoni u kontra t-taħwid li fuqu hu mibni l-kuntratt tal-isptarijiet Maltin u Għawdxin, l-ewwel ma’ Vitals imbagħad ma’ Steward. Dr Delia għamel sew li tella’ jixhdu rjus politiċi kbar li kienu nvoluti f’dan il-kuntratt.
Issa hemm bżonn l-għajnuna tad-deputati kollha, taħt l-arma tal-Partit Nazzjonalista, biex jingħaqdu miegħu u jaġixxu flimkien. Din hija ġlieda ċara kontra l-korruzzjoni u jekk ikun hemm l-unjoni, jkun hemm aktar ċans ta’ ċaqliq mill-awtoritajiet.
Il-portal The Shift News għadhom kif xandru li Steward Health Care stess ressaq il-qorti numru ta’ dokumentazzjoni li jeżistu dwar l-isptarijiet li jikxfu ħafna aktar dettalji ġodda dwar dan il-kuntratt tat-tliet sptarijiet Maltin li għaddew lil Vitals u wara lil Steward. Dawn huma dokumenti li qatt qabel ma ħarġu fid-dominju pubbliku. Dawn huma dokumenti li s’issa l-Gvern dejjem ħallihom mistura.
Dr Delia, eżatt wara l-budget u waqt konferenza tal-aħbarijiet, kien qal li l-Ministru tal-Finanzi kien żied €20 miljun bħala żieda lil Steward matul l-2022. Il-Ministru Fearne qal li dawk kienu flejjes oħra, miżjuda bħala investiment ġdid, mal-vot tas-saħħa kif isir kull sena. Għal darba oħra kellu raġun Dr Delia u llum qed tikkonfermah ix-Shift News.
Sirna nafu wkoll li Steward għandhom ħames kawżi għaddejjin bħalissa. Li Steward qed jgħidu fil-qorti li meta saret il-konċessjoni lil Vitals kien hemm frodi u korruzzjoni.
Hemm ħafna dokumenti li l-Gvern żamm mistura u li Steward resqithom il-qorti. Steward kompla jgħid li fi Frar 2022, Robert Abela, Chris Fearne, Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri iridu jidhru l-qorti biex jirrispondu għal dak li qed jgħid Steward li l-kuntratt kien kollu mimli frodi u korruzzjoni. Dawn se jidhru biex jirrispondu ta’ għemilhom f’appell, imressqa minn Steward, kontra sentenza diġa’ mogħtija. Din hija kawża, minn ħamsa, li żgur b’dak li se niskopru se jimbarazza ħafna lill-Gvern.
Dawn il-kawżi qed jiġru meta nafu li l-Gvern qed jipprova jiġbor l-appoġġ tal-pubbliku għax qed jipprova jerġa’ jinnegozja l-ftehim oriġinali li anke l-awditur ġenerali kien sejjaħlu vvizzjat u llegali. Steward qed jaħsbu li b’din id-dokumentazzjoni kollha li ġiet imxandra minnhom se jagħti lill-istess Steward, saħħa iżjed f’dan il-mument delikat ta’ negozzjati.
Dak li joħroġ minn dan l-artiklu, li dan l-iskandlu wkoll kien qed ikun investigat minn Daphne Caruana Galizia. Biss Yorgen Fenech ma kienx parti minn dan id-deal.