100 xahar wara r-rapport dwar l-Elezzjoni Generali ’13: ‘Networking Produttiv u Miftuħ: ir-raba’ parti

Blog post minn Dr. Hermann Farrugia

F’din ir-raba’ u l-aħħar parti tal-analiżi tiegħi, 100 xaħar wara l-pubblikazzjoni tar-rapport dwar l-andament tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013 ser nirrikapitola L-ĦARSA ‘L QUDDIEM li kienet ġiet proposta mill-kummissjoni maħtura apposta. Dan billi nifli f’żewg taqsimiet separati x’tip ta’ progress tangibbli sar u x’miri speċifiċi ntlaħqu tul il-mhedda ta’ aktar minn 8 snin. F’din it-taqsima A, nixtarru x’sar mit-8 rakkomandazzjonijiet li ttrattaw il-ħtieġa ta’ networking produttiv u miftuħ u fit-taqsima B li ser issegwi, nanalizza l-ħidma li saret fuq il-lista formidabbli ta’ 26 rakkomandazzjoni li ffukaw fuq il-bżonn għall-partit ta’ firxa aktar wiesgħa ta’ impenn fl-istrutturi varji.

Il-konsiderazzjoni ta’ dawn it-taqsimiet tal-proposti hija waħda kumplessa u nasal ngħid skabruża wkoll. Dan minħabba li b’mod ġenerali (anke kif jirriżulta mill-kummentarji elokwenti li rċevejt bħala feedback minn ‘cross-section’ ta’ partitarji attivisti u tesserati li għoġobhom jersqu ‘l quddiem sabiex jesprimu l-fehmiet kif ukoll l-ilmenti u t-tħassib ġenwin tagħhom) joħroġ il-fatt indisputibbli li,  kemm f’dak li li jirrigwarda l-effikaċja milħuqa mill-Partit Nazzjonalista fil-kommunikazzjoni medjatika (xandir, platforms elettroniċi) kif ukoll fejn għandu x’jaqsam l-impenn attiv konkret li laħaq ġie ġġenerat minn fost faxx aktar wiesgħa tal-għeruq, l-istennija għal titjib kienet ambizzjuża iżda r-riżultati aħħarin jidhru delużorji anzi inkwetanti ferm.

8 Rakkommandazzjoni għal ħtieġa ta’ NETWORKING PRODUTTIV U MIFTUĦ

Ħarset il-partit għal mixja ‘l quddiem kellha tibda billi titħeġġeġ parteċipazzjoni diretta, akbar u usa’. L-ewwelnett minn fost kohort imdaqqas ta’ min kien ġià membru u li (skont ir-riċerka li kienet għamlet il-kummissjoni) kien esprima x-xewqa ġenwina u għatxana sabiex imantni relazzjoni aktar dinamika u produttiva mal-istrutturi varji tal-partit. Filwaqt li l-intenzjoni kienet li dawn il-membri kellhom jiġu avviċinati individwalment, kellu isir sforz  qawwi sabiex jiġu identifikati ‘nies ġodda, serji, kapaċi u xierqa’ sabiex tisponta enerġija pożittiva li kellha ssarraf f’grinta reġenerattiva u fejjieda għall-kredibilita’ politika li kien gradatament tilef il-partit tul il-medda ta’ snin twal fil-poter.

Filwaqt li hu minnu li laħqu resqu ‘l quddiem għexieren sħaħ ta’ kollaboraturi ‘potenzjali’ ilkoll b’kwalitajiet u ħiliet varji, hija tassew ħasra kif il-marda indiġena ta’ ‘self-entitlement’ (li minn dejjem kien ibati minnha l-partit u li maż-żmien spiċċat ħakmet u baqgħet tifni lill-‘establishment’ b’mod konspikwu, qalil u rikorrenti ) ma ppermettitx li dawn l-individwi, li spontanjament resqu minn rajhom lesti biex imiddu idejhom, tasal tingħatalhom ‘l-importanza’ mistħoqqa permezz tas-servizz tagħhom f’rwoli ġodda ta’ ċertu portata.

B’hekk joħroġ ċar li sa’ mill-2013, il-partit baqa’ nieqes minn ċertu ammont ta’ ‘influencers’ kredibbli u ta’ sugu. Dawn xogħolhom kien li jispjegaw lill-elettorat il-public policy imġedda li kien qiegħed jaddotta l-partit. Il-kalibru persważiv ta’ dawn ‘il-magħżula’ kellu jasal jixpruna arja friska ta’ konvinċiment lill-persuni ta’ tendenza Nazzjonalista li ġew identifikati li kienu astjenew f’jum il-votazzjoni.

Iżda spiċċa li qajla ġie kkordinat eżerċizzju metodiku f’forma ta’ outreach professjonali indirizzat lejn familji partikolari li kienu waslu ma jivvutawx lill-Partit Nazzjonalista.

Punti essenzjali li kienu wkoll tqajmu fir-rapport kienu jiċċentraw fuq l-indispensabilita’ li l-medja kollha tal-partit, ibda minn NET TV / Radio101 (NetFM) kif ukoll il-gazzetti, kellha tirsisti anzi tistinka qatigħ sabiex tibda bil-mod il-mod terġa’ tikseb aktar kredibbilita’ u għalhekk tiġġenera aktar interess regolari fost segwaċi u telespettaturi/semmiegħa u qarrejja minn faxex demografiċi ġodda tas-soċjeta’ Maltija. Din ir-reġenerazzjoni tal-fiduċja, il-kummissjoni ‘Ann Fenecħ’ kien dehrilha li setgħet tiġi akkwistata mhux biss b’reklutaġġ ta’ ġurnalisti-xandara-editorjalisti li kienu kemm kapaċi kif ukoll lesti li jtejbu il-livell tal-produzzjonijiet tagħhom sabiex joffru prodott divertenti u ta’ kwalita’ li jkun jissodisfa l-aspettativi dejjem aktar esiġenti tal-familji Maltin u Għawdxin.

L-aktar re-orjentament drastiku li kienet irrakkomandat il-kummissjoni kienet in-neċessita’ li akkost ta’ kollox, il-medja Nazzjonalista tieħu bixra konsistenti u bil-bosta aktar oġġettiva fir-rappurtaġġ tagħha.

B’hekk biss il-partit, permezz tal-Medja Link Communications, seta’ jidher li huwa mmexxi bil-kompetenza u serjeta’ mistennija minn ġurnaliżmu integru u professjonali. Ir-rapport jibqa’ jaċċenna għall-ħtieġa urġenti li ‘il-medja tal-partit jibqa’ ikollha linja editorjali ċara u koerenti li t-tħaddim tagħha ta’ kuljum ma tkunx tinsulta l-intelligenza tas-segwaċi’.

Dwar dan l-aspett fondamentali, jekk niflu kemm il-kontenut kif ukoll il-kwalita’ ta’ skedi ta’ programmi, nifhmu għaliex is-sitwazzjoni diffiċli fir-ratings u appoġġ popolari li tgawdi l-medja u gazzetti Nazzjonalisti qatt ma reġgħu qabdu l-art partikolarment tul dawn l-aħħar snin. Nifhmu għaliex is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tant baqgħu prekarji u xi drabi saħansitra miżeri għall-aħħar. Qasam tal-partit bħalma hu n-news room suppost jiddi bi spirtu kreattiv ta’ innovazzjoni u diskussjoni miftuħa. Minflok, il-kamra tal-aħbarijiet / bord editorjali Nazzjonalista baqgħu intransiġenti b’atteġġjament stinat qishom ‘nagħma’ jew ossija ‘ostrich’. Dawn għadhom sal-lum jaddottaw u jisqu informazzjoni selettiva b’ton konsistentement negattiv li jafu ben sew li kulma jkun sejjer idoqq sabiħ kien esklussivament għal widnejn il-partitarji Nazzjonalisti u segwaċi ġia’ elettoralment deċiżi.

Mela b’din il-mentalita’ magħluqa fiha nnifisha, l-oġġettiv ta’ ‘medja aktar oġġettiva u kredibbli’ għadu lura wisq sabiex jintlaħaq u l-partit għadu ma jistax jara xi xeħta ta’ proġress fil-mod kif jasal għall-elettorat minkejja l-ispiża rikorrenti qalila u dejjem teskala u li jidħol għaliha f’kull staġun ta’ xandir televiżiv.

Dwar il-proposti għal adozzjoni ta’ ‘mezzi aktar moderni ta’ komunikazzjoni diġitali’ speċifikament permezz ta’ ‘sit uffiċjali ta’ kwalita’ għall-P.N. fuq l-internet’ kif ukoll ‘użu ifjen mis-social media b’sehem aktar effettiv u determinanti b’kummenti addattati u punġenti ta’ membri-attivisti fuq l-online blogs u news portals ’, jidher li f’dawn l-aħħar snin ġie rreġistrat progress sostanzjali. Sfortunatament fil-passat, siti li kienu tnehdew apposta, li kienu dehru li ġew milqugħin tajjeb u kienu ser jaqbdu art mas-surfers tal-internet baqgħu hemm għal skop pri-elettorali biss u wara ma kienx hemm ħeġġa li jitkomplew.

Hekk kien ġara fl-2012/13 lil ‘my choice.pn’ li kien orjentat biss bħala mezz ta’ informazzjoni dwar ħidma partiġġjana, sabiex jiżdied it-tesserament u isir ġbir ta’ fondi online. L-istess jista’ jingħad għall-inizjattiva aktar interattiva tal-‘ideat’ li kienet tħejjiet waqt il-kampanja elettorali ‘jiena nagħżel Malta’ ta’ Mejju 2017.

Apparti li dak inhar din il-pjattaforma diġitali kienet intużat b’mod għal kollox opportunist sabiex tiġi aġevolata l-kandidatura individwali ta’ min kien ikkonċepiha, kienet ħasra li proġett li kien laħaq iġġenera ‘feedback’ tant sostanzjali minn fost l-elettorat twaqqaf ħesrem ftit wara li kien għadda jum il-votazzjoni.

Għal kuntrarju, fejn kien ġie rrakkomandat ‘kuntatt kontinwu mal-mezzi tax-xandir’ m’hemm ebda dubju li minn mindu saret l-għażla tad-diriġenza l-ġdida f’Settembru 2017 u sal-lum, il-Partit Nazzjonalista mar f’estrem ieħor u kważi spiċċa ‘overboard’. Dan minħabba l-frekwenza ta’ sekwenza sistematika ta’ press briefings / konferenzi stampa li ngħataw mill- ispokespersons b’koordinazzjoni attiva’ tal-uffiċċju kommunikazzjoni.

Din it-tendenza ta’ ‘over-exposure’ kontinwu b’dikjarazzjonijiet, proposti, allegazzjonijiet u lmenti ripetuti qajla rendiet ‘il-following’ u għalhekk il-frott mixtieq. Dan l-istat ta’ fatt kien ġie nnotat partikolarment tul il-perijodu tal-pandemija tul l-2020, fejn il-Kovid-19 Action Group  Nazzjonalista kien pjuttost mehdi biex jikkontradixxi, jikkundanna u anke f’xi waqtiet sa’ jirredikola l-istrategija addottata mill-gvern/dipartiment tas-Saħħa Pubblika.

Din il-kważi indiġestjoni mir-rutina ta’ ‘coverage’ estensiv ta’ press conferences tal-partit inevitabilment saret a skapitu ta’ aktar telf ta’ kredibilita’ għall-istess Partit Nazzjonalista li ma laħaq irreġistra ebda gwadann ta’ fiduċja tul l-eqqel perijodu tal-imxija virali f’pajjiżna fix-xhur twal li għaddew.

Ir-raba’ parti taqsima B: FIRXA AKTAR WIESGĦA TA’ IMPENN fl-istrutturi varji. Issegwi.

Leave a Reply