Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jgħix nostalġija

Waħda mill-affarijiet li l-Partit Nazzjonalista jrid jevita f’dan il-punt kritiku tal-istorja tiegħu huwa li jgħix nostalġija. Meta partit jaqa’ fin-nostalġija, jkun qed jibgħat messaġġi li ma hemmx tmexxija b’saħħitha jew dik mixtieqa. Kif tinduna li qed iseħħ dan kollu fil-Partit Nazzjonalista?

Tinduna meta tisma’ esponenti u sostenituri tal-partit idaħħlu, fl-argument tagħhom jew fid-diskussjoni tagħhom, diskors nostalġiku ta’ meta kienu taħt it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami. Tisma’ Nazzjonalisti jiftaħħru ta’ kemm kien żmien sabiħ u kemm kienet tirrenja l-għaqda fi żmien Eddie Fenech Adami.

Hemm min ma jmurx daqstant il-bogħod u minflok jsemmi ż-żmien tat-tmexxija Gonzi, għalkemm anke hawnhekk jagħmlu ftit differenza bejn it-tmexxija qabel l-2008 u t-tmexxija ta’ wara l-2008 meta qiesu l-partit inqata’ min-nies u ħakmitu s-suppervja u l-arroganza. Fil-fatt hawn min jgħid li kien iż-żmien ta’ wara l-2008 li tefa’ lill-Partit Nazzjonalista fl-abbissi.

Għad hawn Nazzjonalisti li jiftakru tajjeb it-tmexxija ta’ Simon Busuttil. Għalkemm dan ġab miegħu l-akbar telfa għall-Partit Nazzjonalista, xorta għad fadal nostalġija għal dawk il-mass meetings kbar li kien isiru qabel l-elezzjoni tal-2017. Hemm min hu konvint li kieku Busuttil ma għamiex wara l-aġenda ta’ Daphne Caruana Galizia u tkellem biss fuq korruzzjoni, l-istorja politika tal-Partit Nazzjonalista kienet tkun mod ieħor.

Partitarji Nazzjonalisti llum ukoll qed jiftakru fit-tmexxija ta’ Adrian Delia. Ħafna jgħidulek, li kieku ħallewh jaħdem it-traġitt tal-Partit Nazzjonalista kien żgur ikun differenti. In-‘new way’ li ried idaħħal Delia kienet żgur tħalli l-frott wara dawk it-telfiet allarmanti li laqqgħat il-Partit Nazzjonalista. Illum huma ħafna li jiddispjaċihom li ma ħallewx politiku, li kien qed jara l-bżonn ta’ bidla radikali fit-tmexxija tal-Partit, jaħdem. Illum ħadd ma jista’ jgħid li t-tmexxija Delia ma rnexxietx għax ma ħademx l-istil tiegħu.

Quddiem fatt fejn partit politiku qed inaqqas il-popolarita’ tiegħu mal-elettorat, jkun aktar faċli li jaqa’ f’din in-nassa tan-nostalġija. Tant hu hekk li issa anki x’uħud mill-policies li ġew imwegħda matul dan il-budget fl-imgħoddi mill-Partit Nazzjonalista huma policies li ma twettqux meta l-PN kien fil-gvern. Issa qed jerġgħu jkunu proposti. Imbagħad hemm fattur ieħor inkwetanti.

Donnu li l-partit reġa’ mar lura għall-politika ta’ żmien Gonzi ta’ wara l-2008 fejn kienet qed issaltan, fuq livell intern, id-differenza tal-ħsieb. X’ifisser dan? Dan ifisser li llum hemm wisq fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista li donnhom qed jippruvaw iħallu t-timbru tagħhom. Illum dan il-qsim u dawn il-fazzjonijiet żgħar, qed jirrendu lill-partit ineliġibbli u qed jitfgħu lit-tmexxija b’baħar imqalleb li hemm ċans tajjeb li l-vapur ma jkunx jiflaħ għall-maltemp kollu li għaddej.

Imma l-agħar u dan għandu jkun evitat akkost ta’ kollox, li jekk jibqa’ sejjer hekk, il-Partit Nazzjonalista jista’ jieħu tisbita tant kbira li twassal għal diżintegrazzjoni nkreddibbli tal-istess partit.

Leave a Reply