Id-difiża ta’ Yorgen Fenech takkuża lil Philip Galea Farrugia li qed jilgħab dirty tricks fil-qorti waqt li ssostni li Yorgen Fenech ġie ffremjat

Malta Today ippubblikat artiklu fejn tatna t-tweġiba – jew sottomissjonijiet – li għamlet id-difiża ta’ Yorgen Fenech għall-att ta’ akkuża li għamel id-deputat avukat ġenerali Philip Galea Farrugia. Mingħajr mezzi termini, id-difiża akkużat lill-prosekuzzjoni u dan ifisser fost l-oħrajn, lid-deputat Avukat Ġenerali tar-Repubblika, Philip Galea Farrugia, li qed jilgħab logħba maħmuġa fil-qorti – il-kelma wżata mill-Malta Today hija “dirty tricks”.

Mhux ser nidħol jekk dan hux minnu jew le, anki jekk nemmen bis-sħiħ li dan hu minnu. Jien kelli x-xorti li nitkellem fit-tul f’dan is-sit dwar dan kollu. Għax tkellimt u analiżżajt il-mod xejn pjaċevoli li kienet qed tmexxi l-prosekuzzjoni, il-Maġistrata Rachel Montebello qegħidtni taħt disprezz fuq talba tal-istess deputat Avukat Ġenerali. Ir-raġuni għala tqegħedt taħt disprezz hu għaliex tkellimt fuq wieħed mill-punti li semmgħu l-avukati tad-difiża fir-rikors tagħhom.

Biss bqajt għaddej nikteb. Nispera li l-Ministru tal-Ġustizzja jieħu nota ta’ dak li kitbu dawn l-avukati tad-difiża. Ma niftakar qatt li deputat avukat ġenerali jew avukat ieħor li jaħdem fil-kriminal qatt ġie affaċċjat b’akkużi serji bħal dawn. L-uniku persuna li fl-istorja kellu l-gazz jagħmel din l-akkuża serja fil-konfront tal-uffiċju tal-avukat ġenerali kien Manuel Dimech u talli għamel hekk eżiljawh lejn l-Eġittu.

Issa ġie miktub bl-iswed fuq l-abjad fir-rikors li d-difiża għamlet lill-qorti li l-affarijiet mhux sejrin tajjeb u hemm ħafna xhieda li għad trid toħroġ u tqiegħed f’perspettiva din l-istorja kollha.

Ġa hija umiljazzjoni għad-Deputat Avukat Ġenerali – infakkar li dan qed jaspira li jsir imħallef – li jingħad dan il-kliem fuqu. L-uffiċju tal-avukat ġenerali qiegħed hemm għal qadi tar-repubblika. Issa nħalli lil kulħadd jaqra hu dan l-artiklu tal-Malta Today, u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.

Infakkar li l-qorti tal-maġistrati dejjem emmnet lil dan id-deputat avukat ġenerali u minħabba f’hekk persuna ġiet miċħuda mill-liberta’ tagħha għal aktar minn sentejn. Issa jekk joħroġ li hemm verament frame-up, kif qed jallegaw dawn l-avukati tad-difiża, x’ser jagħmel l-istat? Dawn l-avukati tad-difiża qed jgħidu ċar li għandhom il-provi li juru l-prosekuzzjoni użat kull mezz biex taħbi u toskura fatti. Fuq kollox, matul il-kompilazzjoni kien hemm sitwazzjoni fejn il-prosekuzzjoni ma ġabitx ix-xhieda tagħha stess għall-kontro-eżami tad-difiza. U sadanittant, raġel baqa’ jinżamm il-ħabs quddiem dawn in-nuqqasijiet kollha.

Fuq kollox, Yorgen Fenech ġie miċħud il-liberta’ minħabba dak li qal fuqu Melvin Theuma, persuna b’kondotta kriminali. Theuma hu bniedem li hu involut fl-użura u f’każijiet kriminali oħra. Biss dan hu bniedem li l-istess kummissarju tal-pulizija ħasillu eluf ta’ euros li nstabu għandu – li ġew b’attivita’ llegali u nkluż mill-użura. Dan il-bniedem ġa nqabad jigdeb fix-xhieda tiegħu. Illum għandna aktar informazzjoni li żgur ma titfa xejn dell sabiħ fuq il-pulizija u l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali u (u ngħid din b’risponsabilita’ u mingħajr biża) u fuq il-mod kif mexxiet il-kompilazzjoni Rachel Montebello.

https://www.maltatoday.com.mt/news/court_and_police/112840/yorgen_fenechs_defence_claims_recordings_show_star_witness_melvin_theuma_in_a_different_light?fbclid=IwAR3YTVNxR4_p5dS6d4z3CEo-wqqc5GMDEd7LQK0jw9sPdx5xxhh5fktX1-k#.YXLeKJ5BxPZ

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *