L-istrateġija tal-Oppożizzjoni għadha tkun kif ser tnaqqas id-distakk u mhux li terbaħ l-elezzjoni
Dr Bernard Grech għaddej bħalissa minn dilemma kbira għax ma jistax joħroġ b’raġunijiet validi biżżejjed li jikkonvinċi lill-elettorat jivvota lill-partit tiegħu, il-Partit Nazzjonalista. Dak li qed jiġi diskuss l-aktar bħalissa, f’dak li għandu x’jaqsam mal-elezzjoni ġenerali li ġejja, mhuwiex jekk il-Partit Laburista hux se jibqa’ fil-poter, imma jekk il-Labour jerbaħx l-elezzjoni bl-istess vantaġġ jew addirettura iżid fuq ir-rebħa tal-elezzjoni tal-2017.
Għalkemm kulħadd jaf li l-prospett li l-Partit Laburista jżid il-maġġoranza mhux tant tajjeb għall-pajjiż, xorta jibqa’ l-fatt li l-possibilita’ hemm qiegħda. Li jiżdied il-vantaġġ jista’ jkun detrimentali fuq il-partit fil-Gvern stess għax jista’ jibda jaħseb li hu omnipotenti u li ħadd ma jista’ għalih.
Ħafna mill-elettorat qed jaħsbu li l-Labour huwa l-aħjar għażla, biss xorta jibqgħu ħafna dawk in-nies, li jixtiequ jaraw oppożizzjoni b’saħħitha li tista’ tkun viġilanti aktar fuq il-Gvern. Għal din ir-raġuni, it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qed iġġorr responsabilita’ kbira f’dan iż-żmien.
It-tmexxija taf li jekk it-tkaxkira tkun fl-istess ilma jew addirettura tiżdied, id-diffikulta li jinqaleb il-Gvern fl-2027 issir ħafna iktar diffiċli. Il-Partit Nazzjonalista tal-lum, li suppost, għax bidel il-kap, ta x’jifhem li hemm għaqda assoluta u jinsabu f’sinerġija li qatt ma rajna bħala, irid jkun responsabbli mhux biss għal telfa oħra imma ser ikollu fuq spallejh it-taħwid u t-tgerfix li jista’ jinqala’ wara telfa oħra kbira elettorali.
Mela jekk jiġri hekk ikun qed jitbagħat messaġġ li l-bdil tal-kap kien biss eżerċizzju ta’ ħela ta’ ħin u kienet ukoll gidba faħxija li għax inbidel il-kap, suppost kellu jkun hemm għaqda li twassal għal tim magħqud wara l-kap tiegħu.
U l-akbar problema li għandu Dr Bernard Grech hija li hu ma jistax jammetti li ma għandux ċans li jerbaħ l-elezzjoni ġenerali li ġejja. Jekk jagħmel hekk ikun qed jitfa’ l-ġebla fuq saqajh. U qed joħroġ dejjem iżjed ċar għalfejn ħareġ b’din il-konġettura tal-maġġoranza siekta biex jgħatti l-indikazzjonijiet li ħerġin mis-surveys ta’ dawn l-aħħar xhur.
Il-verita’ hija li Bernard Grech qiegħed f’sitwazzjoni verament paradossali għax jista’ jpoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni redikola jekk jippontifika li se jerbaħ, imma, jista’ jinstema bħala politiku tellief jekk jammetti x’inhu ġej fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.
Il-Partit Nazzjonalista għandu jkun realistiku. Għandu jara kif se jagħmel biex inaqqas id-distakk u mhux jimmaġina li se jerbaħ. Il-messaġġ lejn l-elettorat għandu jkun li jsir investiment fil-partit fl-oppożizzjoni sabiex fil-pajjiż ikun hawn oppożizzjoni aktar b’saħħitha u riġenerata. Għandu jsir investiment biex l-oppożizzjoni titqawwa b’tali mod li tkun tista’ taħseb biex tieħu l-Gvern fl-2027.
Ikun aktar ta’ dannu jekk il-Partit Nazzjonalista jkompli jippriedka l-possibilita’ ta’ rebħa iżda dak li jrid jagħmel huwa li f’dan l-istadju jibda jaħseb kif ser inaqqas id-distakk tat-telfa waqt li jkun realistiku u jibda jaħseb kif ser jerbaħ l-elezzjoni tal-2027.
Jekk jirranka fuq strateġija onesta jkun jista’ jasal biex imur fil-gvern minn hawn u ħames snin oħra. Dak li jrid jagħmel huwa li jieqaf ibiegħ ħolma ta’ rebħa immedjata li jaf li ma tistax titwettaq.