Verament hemm maġġoranza skieta li ser tivvota lill-PN?

Blog post minn osservatur politiku

L-istorja ta’ pajjiżna ma tistax tilluminana jekk partit li qiegħed tant lura fis-surveys elettorali jistax jerbaħ elezzjoni jew le.

S’issa ebda partit, almenu mill-Indipendenza ‘l hawn, ma kien qiegħed f’din is-sitwazzjoni. Is-surveys tal-aħħar 12 jew 13-il sena dejjem urewna li l-Partit Nazzjonalista qiegħed minn taħt. U għax il-metodu xjentifiku tagħhom huwa tajjeb, ir-riżultati fattwali qablu mas-surveys f’kull elezzjoni, hi liema hi, li kellna fil-pajjiż f’dawn l-aħħar snin.

Il-Partit Nazzjonalista bħalissa jista’ jwiegħed l-ilma jiżfen għax xorta se jkun hemm numru qawwi ta’ votanti li mhux se jkunu lesti biex jemmnuh, meta jafu li l-possibilita’ li jerbaħ l-elezzjoni ġenerali li ġejja hija remota. U dan allavolja f’dawn l-aħħar ġranet ħerġin proposti qishom it-turtieri tal-pastizzi ħerġin mill-forn.

Anżi jista’ jkun li dawn il-proposti kollha qed jibgħatu sinjal negattiv lill-elettorat. Jista’ jkun li hawn min qed jgħid li bilfors li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fl-għafa tal-mewt meta qed jagħmel ħiltu kollha biex jikkuntenta lil ħafna nies f’daqqa.

Jista’ jkun li ħafna votanti qed jifhmu li la l-Partit Laburista qiegħed daqshekk minn fuq, il-Partit Nazzjonalista qed jispara dawn il-proposti kollha bħala attentat iddisprat biex jerbaħ il-voti. F’dan it-tragward, bħalissa, l-akbar inkwiet jew l-akbar għadu li għandu l-Partit Nazzjonalista hija l-istess elezzjoni li tista’ qiegħda fil-viċin.

Meta tifhem dan kollu u tirrejalizza dak li hu għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista, tinduna għalfejn Bernard Grech fid-diskors tal-Ħadd tiegħu evoka l-ispektru tal-maġġoranza siekta. Skond Bernard Grech dawn l-eluf ta’ nies ma humiex lesti li jirrispondu l-mistoqsijiet meta jiġu kkontatjati fis-surveys ta’ kull xahar. Dejjem skond il-Kap tal-Oppożizzjoni dawn l-eluf m’humiex lesti li jiddikjaraw lil min se jissapportjaw fil-ġurnata tal-elezzjoni. Imma Bernard Grech jemmen li dak in-nhar tal-elezzjoni dawn l-eluf se joħorġu jivvutaw xorta waħda, u hu jinsab konvint li dawn in-nies se jagħtu s-sostenn tagħhom lill-Partit Nazzjonalista.

Il-lum l-Oppożizzjoni trid tagħmel ħilitha biex verament tkun oppożizzjoni b’saħħitha li żżomm lill-Partit fil-Gvern fuq ponot subgħajh. Irid jagħmel sforż ħafna iżjed qawwi biex juri li d-deputati kollha qed jiġbdu l-istess ħabel. Irid juri li kollha qiegħdin u se jkunu qed jitkellmu bl-istess lingwa. Iridu juru li l-kandidati kollha tal-Partit qed iżuru d-djar u jitkellmu fuq l-istess għanjiet għall-futur tal-Partit. B’hekk biss jista’ l-Partit jibgħat messaġġi ta’ għaqda, għan wieħed u viżjoni waħda.

Leave a Reply