Id-diskors tal-Prim Ministru l-bieraħ: meta l-imgħoddi ta’ politiku dwar it-taxxa jibqa’ jiġri warajh

Blog post minn osservatur politiku

Kemm ilu jinkiteb fuq dan is-sit li l-iżbalji li tagħmel jibqgħu jiġru warajk. U l-kap tal-Oppożizzjoni mhux eċċezzjoni. Dak kollu li għamel u dak kollu li wettaq, li b’xi mod ma kienx qrib is-sewwa, ser jibqa’ jiġri warajh tul ħajtu kollha. Dan is-sit kien qal kemm-il darba li ma tistax tkun persuna li xellift subgħajk mat-taxxa u tippreżenta ruħek biex tkun f’pożizzjoni politika għolja.

Veru li l-Partit Nazzjonalista kien fl-eqqel tal-kampanja elettorali tal-kap meta sar jaf b’din is-sitwazzjoni. Imma l-istess partit għamel ħażin li ma waqqafx it-tellieqa dak in-nhar. Misshom irrealizzaw li dak l-inkwiet mad-dipartiment tat-taxxa kien se jibqa’ jiġri wara Dr Bernard Grech, speċjalment fil-ħajja politika tiegħu. U dan reġa’ avvela ruħu fil-kontro-replika tal-budget mill-Prim Ministru il-bieraħ.

Dr Abela qalha ċara li min ikun wettaq dawk l-oxxenitajiet ma jibqalux pożizzjoni idonea biex jiġġieled l-evażjoni tat-taxxa fuq livell nazzjonli. Dan huwa tip ta’ diskors li se nibqgħu nisimgħu mill-avversarji politiċi ta’ Dr. Grech. Dan huwa dnub li ma jorqodx. Fil-fatt fil-kontro-replika tiegħu Dr Robert Abela qal dawn il-preċiżi kelmiet:

Sur President ħa nibda nasal biex nikkonkludi u ħa nikkonkludi b’suġġett illi lill-kap tal-Oppożizzjoni żgur mhux se jogħġbu, il-moralita’ fiskali, jiġifieri li tħallas it-taxxa dovuta. Oqgħod isma sew, isma sew. Irridu bidla li permezz tagħha kulħadd iħallas it-taxxi dovuti. Dan il-pajjiż qed jagħti opportunita’ lil kulħadd biex jiġġenera l-ġid u biex jimxi ‘l quddiem. La għamilna u lanqas nemmen li għandna għalfejn nagħmlu witch-hunt biex niġbru t-taxxa dovuta. U bil-ġbir tat-taxxa, ejja jifhem kulħadd. Dan huwa sens ċiviku li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu biex imbagħad aħna ikollna r-riżorsi biex dak li niġbru nerġgħu nirrinvestuh fin-nies stess. Issa spjegali sur kap tal-Oppożizzjoni kif int għad jista’ jkollok l-awtorita’ biex iġġib il-bidla f’policy area tant importanti, meta għal snin twal l-awtoritajiet tat-taxxa ġrew warajk, u ġrew, u ġrew, u ħrabtilhom u ħrabtilhom u bqajt taħarbilhom, a serial tax evader klassiku. U taf meta ħallast? Ħallast biss meta ġejt darek mal-ħajt lejlet l-elezzjoni tal-kap. U għadek sal-lum ma tridx tkun trasparenti dwar minn fejn ġibt il-flus biex ħallast il-kont tat-taxxa. Dak li għamilt int, aċċetta, aċċetta li dak li għamilt jibgħat messaġġ żbaljat. Dak li għamilt int mhux sewwa. Hemm missek għamiltha l-bidla b’viżjoni.

Ma għandix dubju, li meta saret l-għażla ta’ Dr. Grech biex jikkontesta lil Adrian Delia, tant dawk li għażluh kienu għomja li lanqas immaġinaw li kwistjoni bħal din kien ser jibqa’ jkollha effetti politiċi kbar fuq Dr Bernard Grech u allura b’mod awtomatiku fuq il-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply