Is-surveys u s-sinifikat tagħhom
Blog post minn osservatur politiku
Ma tistax ma tagħtix ftit importanza lejn id-diversi surveys li qed jitfaċċaw kważi kull ftit ġimgħat. Sal-2008 dawn is-surveys ma tantx kienu daqshekk preċiżi allavolja l-indikazzjonijiet li kienu jagħtu dak iż-żmien kienu determinanti wkoll. Imma issa x-xjenza tant evolviet li l-metodi li bihom qed isiru dawn is-surveys qed jagħtu indikazzjoni ċara ta’ kif se jxaqilbu n-numri.
Surveys qed isiru fuq diversi suġġetti u affarijiet. Imma l-aktar li jinteressaw lill-pubbliku huma dawk elettorali. Fil-fatt kulħadd jammetti li dawn is-surveys ikollhom effett fuq ir-realta’ politika fil-pajjiż. Illum dawk li qed jindikaw qed ikunu ħafna aktar preċiżi minn dawk li kienu jsiru ftit snin ilu. Meta jiġi mitqies il-persentaġġ tal-iżball, is-surveys qed ikunu ndikattivi sewwa. Nistgħu ngħidu li dawn l-aħħar erba’ jew ħames elezzjonijiet nazzjonali, s-surveys taw indikazzjoni tajba ħafna. Imma xorta ma nistgħux naċċettaw li s-surveys huma dejjem preċiżi u ma jiżbaljaw qatt. Imma jagħmel ħażin kull politiku jew kull partit politiku li ma jagħtix każ dawn in-numri li qed joħorġu regolarment minn dawn is-surveys.
L-isfortuna hi li l-Partit Nazzjonalista hekk qed jagħmel. Qed jipprova jilgħab logħba perikuluża u jgħid li dak huwa ritratt tal-ġurnata li jkun intgħamel. Anke l-elezzjoni ġenerali se tkun ritratt tal-ġurnata li fiha tkun saret l-elezzjoni. Veru li bħalissa l-kap tal-Oppożizzjoni qiegħed f’dilemma. Għax x’jaqbad jagħmel? Irid jilgħab il-parti billi jibgħat sinjali ta’ kuraġġ u fl-istess ħin jaf li l-istrateġija tiegħu u ta’ sħabu ma hiex qed tagħti r-riżultati mixtieqa.
Qiegħed f’sitwazzjoni kif kienu Lawrence Gonzi fl-2013 u Simon Busuttil fl-2017. It-tnejn kienu jafu li hemm telfa tistenniehom, imma x’jaqbdu jagħmlu? Dr Grech irid jiffaċċja żewġ mistoqsijiet importanti f’dawn il-ġranet speċjalment jekk tissejjaħ l-elezzjoni fis-siegħat viċini: Kif jista’ jaqleb dawn l-indikazzjonijet tant ħżiena li qed juru u jindikaw is-surveys ta’ dawn l-aħħar ġranet u xhur? U għaliex il-Partit Nazzjonalista ilu ma jaqbad art mill-2013 u minn dak in-nhar sal-lum ma rnexxielux jaqleb il-miżien favur tiegħu, lanqas fis-surveys?
Dr Grech, speċjalment wara l-aħħar survey kien evażiv ħafna. Anżi sab raġuni jew argument li fl-opinjoni ta’ ħafna ma jagħmilx sens. Hu qed jgħid li veru li s-surveys mhux jindikaw li l-Partit Nazzjonalista qed javvanza ‘l quddiem, imma hemm 80,000 votant li mhux qed jitkellmu f’dawn is-surveys. Bernard Grech fl-ottimiżmu tiegħu u fil-messaġġ ta’ kuraġġ li qed jipprova jibgħat, qed jħares lejhom bħala maġġoranza siekta li se jitkellmu fil-ġurnata tal-elezzjoni.
Huwa fatt li s-surveys qed jagħtu numru mdaqqas ta’ ma jafux x’se jagħmlu u kif se jivvutaw, imma mhux realistika li tgħid li l-maġġoranza siekta se tivvotalek dak in-nhar tal-elezzjoni. Dr Grech qed jgħid li, almenu 50,000 votant minn dawk it-80,000 dubjużi, se jivvutaw lill-Partit tiegħu u hekk ikollu l-maġġoranaza tal-voti. Huwa tajjeb li toħlom imma naħseb din hija ħolma mill-aktar superlattiva u kkulurita.