Artiklu disgustanti ta’ Jacob Borg kontra Dr. Frank Psaila

Nhar it-Tnejn 17 ta’ Ottubru, Jacob Borg tella’ artiklu biex bih jattakka lil Dr. Frank Psaila. Dak li hu interessanti li dan l-artiklu ħareġ wara li l-Ħadd deher filmat li fih il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, u l-predeċessur tiegħu, Adrian Delia, dehru jieħdu b’idejn xulxin biex iħeġġu lin-Nazzjonalisti kollha jingħaqdu lejliet elezzjoni ġenerali.

F’daqqa waħda xi ħadd iddeċieda li jibni storja kontra Frank Psaila u din ġiet ippubblikata eżattament l-għada t-Tnejn. Kienet storja maħsuba u turi li The Times trid akkost ta’ kollox teqred lil Adrian Delia mill-politika. F’din l-istorja, Jacob Borg jippubblika numru ta’ assunzjonijiet u nofs veritajiet bil-għan li jkomplu joskuraw lil Adrian Delia u dawk li ħadmu miegħu meta kien kap.

L-istorja ta’ Jacob Borg ġiet ippubblikata wkoll fil-jum li fih Bernard Grech kellu l-ewwel tweġiba għall-budget. It-tattika tagħhom hi ċara. Iridu jibgħatu messaġġ ċar lil Bernard Grech, li jekk se jħalli lil Adrian Delia jikkontesta l-elezzjoni, allura se jkun il-mira tal-attakki hu ukoll.

Imma issa ejja niġu għall-istorja nnifisha.

L-ewwel ħrafa li ssib fl-artiklu tat-Times hi li l-avukat, Frank Psaila, kien qed jipprova jieħu s-siġġu parlamentari ta’ David Casa. Din hi nvenzjoni għaliex dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista kellu tlett siġġijiet u allura Psaila kien fost 10 kandidati li kkontestaw inkluż Casa, Metsola u Zammit Dimech. Allura kif Jacob Borg wasal għal konklużjoni li Psaila ried is-siġġu ta’ Casa?

Ħaġa oħra li naqas milli jsemmi Jacob Borg, hu l-block vote li sar minn dawk li kienu qed jappoġġjaw lil David Casa, biex n-Nazzjonalisti jivvotaw biss lil Casa u Metsola. Dawn ippreferew li jitilgħu dawn it-tnejn biss u jagħtu t-tielet siġġu lill-Partit Laburista.

It-tieni ħrafa fl-artiklu ta’ Jacob Borg hi li fil-Partit Nazzjonalista kien magħruf li Casa kien imwarrab. Dan qalu biex isostni l-gidba ta’ Keith Schembri, li Yorgen Fenech offra flus lill-Partit Nazzjonalista biex Casa ma jitlax. Li ma jgħidx Jacob Borg hu li kemm David Thake kif ukoll Pierre Portelli, għamlu talba pubblika u interna biex issir inkjesta fil-Partit Nazzjonalista dwar kif tmexxiet il-kampanja elettorali u saħansitra Portelli talab pubblikament biex din l-inkjesta titmexxa mill-Imħallef Giovanni Bonello, li jgawdi l-fiduċja ta’ kulhadd.

Jacob Borg jipprova jħammeġ lill-Avukat Psaila għax il-Grupp Tumas offrewlu impieg. Wieħed jistaqsi x’fiha ħażin din? Ġaladarba Psaila ma telax, wieħed jistenna li se jmur jaħdem x’imkien. Nassumi li kieku David Casa ma telax kien ukoll se jmur jaħdem ma’ xi ħadd. Infakkar li Frank Psaila kien qed jiddiskuti mas-CEO ta’ Tumas Group u sa dakinhar ħadd kien għadu ma sar jaf li hu allegatament ordna l-qtil ta’ ġurnalista, anki jekk issa l-istess Times ma għadhiex issejjaħlu l-mandant.

Il-manuvri tat-Times u Jacob Borg ikomplu joħorġu iżjed ċari fl-artiklu meta jingħad li Dr. Psaila ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech għall-ewwel darba fl-2015. Bl-iżjed mod qarrieqi u viljakk, l-artiklu jgħid li kien impjegat tal-Partit Nazzjonalista li laqqagħhom iżda ma jiżvelax l-isem dan l-impjegat. Għaliex Jacob Borg ma jridx jgħid l-isem ta’ dan l-impjegat? Jaqaw dan kien wieħed minn tal-klikka? Jaqaw dan l-impjegat illum huwa biċċa waħda ma’ Repubblika u Civil Society Network?

Minflok, Jacob Borg jipprova wkoll jagħti mpressjoni li meta kien kap Adrian Delia, ma kienx hemm ħidma kontra l-korruzzjoni u li dan qatt ma semma lil Yorgen Fenech b’ismu. Din hi ħrafa oħra kif jixhdu artikli fuq l-istess sit elettroniku tat-Times. Adrian Delia mexxa l-Oppożizzjoni barra l-Parlament meta l-Gvern ta’ Muscat irrifjuta li jiddiskuti l-vot tal-Parlament Ewropew fuq is-saltna tad-dritt f’Malta.

Saħansitra, Adrian Delia għamel konferenza tal-aħbarijiet live minn Zagreb fil-Kroazja fejn ta r-reazzjoni tiegħu dwar Yorgen Fenech. Dakinhar, spalla ma spalla miegħu, kien hemm Roberta Metsola. Ma’ dawn wieħed jista’ jżid ħafna u ħafna okkażżjonijiet oħra fejn Adrian Delia kkundanna l-korruzzjoni u semma lil Keith Schembri kull meta kien hemm opportunita’. Fuq kollox, Adrian Delia kien l-ewwel persuna li pubblikament qal li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien qtil politiku, ftit siegħat wara li sar magħruf li nqatlet fi spluzjoni b’bomba fil-karrozza tagħha.

Fl-aħħar tal-artiklu tiegħu Jacob Borg jagħmel dak li hu mistenni mill-klikka li ħakmet il-Partit Nazzjonalista – jarmi lil Herman Schiavone wara li sħabu nqdew bih biex tajru lil Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. Jacob Borg jipprova jħammeġ lil Schiavone mingħajr ma jippubblika xrara waħda ta’ evidenza. Fuq kollox mhux ċar min tah din l-informazzjoni lil Jacob Borg. Dak li hu żgur li din ġiet miċ-chats li kien hemm divjit fuqhom mill-Maġistrata Rachel Montebello. Biss is-sorsi tiegħi qaluli li din id-darba, din l-informazzjoni ġiet minn fonti oħra.

Dan li nista’ nikkonferma li Jacob Borg qed jispekula dwar chats li suppost saru bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech, u bejn Schiavone u Keith Schembri biex iħammeġ lil Schiavone forsi jaqta’ qalbu u ma joħroġx għall-elezzjoni.

Hekk taħdem il-media llum. Tħammeġ in-nies u tipprova tkisser lilhom u lill-familji tagħhom.

https://timesofmalta.com/articles/view/if-not-a-seat-in-brussels-a-job-at-tumas-pn-candidate-frank-psaila.908563

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *