Analiżi tad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni: kellna l-proposta ta’ kontro-budget

Blog post minn osservatur politiku

Kellna d-diskors fuq il-budget minn Bernard Grech. Il-messaġġ prinċipali, indirizzat lill-Ministru tal-Finanzi, kien li ‘what you can do I can do it hundred times better’. Kien eżerċizzju ta’ qari tal-budget tal-Gvern immultiplikat b’mija. Dr Grech qabad il-lista ta’ proposti tal-Gvern u żied magħhom. Id-diskors kollu ta’ Dr Bernard Grech kien dak ta’ partit li aċċetta jew jemmen il-fatt li l-elezzjoni ġejja din is-sena u allura vara l-proposti kollha tiegħu, bejn ġodda u ripetuti. Ma naħsibx li din kienet strateġija ħażina.

Hawn ser niffoka fuq ftit mill-proposti ta’ Bernard Grech.

Proposta pjuttost qawwija hija dik li Dr Grech irid jittrasforma lil Malta f’ċentru tal-internet u jrid jattira lil Amazon, Google u Facebook. Nissuġġerilkom taqraw l-artiklu ta’ Blanche Gatt mehmuż hawnhekk biex tifhmu kemm qed jispara fl-ajru Dr Bernard Grech fuq dan il-punt. Din id-darba l-kritika ġejja minn ġewwa. Għaliex qed ngħid dan?

Malta diġa’ kkommettiet ruħha li tingħaqad mal-inizjattiva tal-OECD dwar is-sistema tat-taxxa li tara li l-kumpaniji, speċjalment il-kbar, iħallsu 15% taxxa u għalhekk tispiċċa it-tariffa speċjali ta’ 5% mogħtija f’dawn l-aħħar snin. Jekk qabel kien xorta diffiċli biex, b’tariffa tat-taxxa baxxa, tattira kumpaniji kbar, aħseb u ara issa li t-taxxa qiegħda komuni mal-Ewropa kollha.

Barra minn hekk, Dr Grech qed jinsa li Malta bħalissa hija mniżżla fil-lista l-griża u għad irridu naraw jekk ikunx kapaċi joħroġ lill-pajjiżna minnha fi żmien tliet xhur. Mhux faċli imma tajjeb wieħed jipproponi xi kultant. Biss miżura bħal din ma tantx tgħin lil Malta toħroġ minn fuq din il-lista.

Fuq kollox, Bernard Grech offra kreditu tat-taxxa lil kumpaniji li jinvestu l-profitti lura fil-business tagħhom u fil-ħaddiema. Imma ma offriex dettalji. Forsi nistennew li jkollna aktar dettalji fuq dawn il-punti meta jiġu diskussi l-ministeri – dejjem jekk id-diskorsi tal-estemi tal-budget isiru f’din il-leġislatura.

Kif qed jingħad fil-media, dan kien eżerċizzju minn Dr Grech f’dak li jista’ jissejjaħ bħala kontro-budget pre-elettorali min-naħa tal-oppożizzjoni. Fost il-proposti li qed jagħmel Dr. Grech hemm li jagħti €500 liż-żgħażagħ biex isiefru, kif ukoll 25% żieda fl-istipendju, żieda fil-pensjonijiet, id-doppju tal-għoli tal-ħajja u nuqqas ta’ taxxa lil min jaqla’ ħafna.

B’hekk, Dr Grech ma għamilx risposta għall-budget imma elenka l-proposti kollha tal-Partit Nazzjonalista u għamel il-programm elettorali tiegħu, għax jinsab persważ li l-elezzjoni se tkun f’Novembru. Sa hawn ma mexiex ħażin.

Xorta ser tibqa’ l-mistoqsija ta’ minn fejn ġejjin il-flus biex jagħmel dawn l-inċentivi kollha? Huwa sabiħ li twiegħed imma jkun aktar aħjar li b’mod preċiż tkun taf li tista’ twettaq dawn il-wiegħdi kollha, xi ħaġa li żgur Dr Grech ma jistax jagħmel għaliex mhux hu fil-gvern.

Bosta mill-proposti li qed iwiegħed Bernard Grech huma pjuttost maqtugħin mir-realta’ għaliex bħalissa mhux faċli li tiġbed investiment ta’ kumpaniji kbar, tgħid x’tgħid u temmen x’temmen.

Jidher li dak li ġie mxandar fid-diskors ta’ Dr Grech ġie miktub minn Peter Agius, b’inklużjoni ta’ ideat ta’ Louis Galea, minħabba li nqalgħu suġġerimenti li kienu saru saħansitra fi żmien Eddie Fenech Adami.

Illum jew matul din il-ġimgħa nkunu nafu jekk dan kienx xi eżerċizzju mfassal u miktub bħala diskors pre-elettorali jew le. Il-lejla jew matul din il-ġimgħa nkunu nafu jekk il-Prim Ministru hux ser jgħajjat elezzjoni jew le. Il-Prim Ministru għandu sar nhar is-Sibt 23 ta’ Ottubru, biex iħabbar l-elezzjoni jekk irid jagħmilha, fis-27 ta’ Novembru, kif qed jingħad.

One comment

Leave a Reply