Xejn anqas minn 58 proposti bħala ‘IL-ĦARSA ‘L QUDDIEM’ fir-Rapport Elezzjoni ’13 tal-P.N.- it-tielet parti.

Blog post minn Dr. Hermann Farrugia

IL-ĦARSA ‘L QUDDIEM

Din kienet proposta fir-rapport tal-andament elettorali tal-Partit Nazzjonalista u li kien ippubblikat f’Mejju 2013 kellha bħala qafas xejn anqas minn 58 rakkomandazzjoni għal titjib fl-istrutturi amministrattivi tal-P.N.

Kemm minnhom ġew mogħtija widen mill-partit sal-llum, 100 xahar wara li kienu tressqu dawn il-proposti ambizzjużi?

 X’inhi s-sitwazzjoni li qiegħed jiffaċċja llum meta suppost beda jinħass il-frott mixtieq?

Hawnhekk f’din it-tielet parti tal-analiżi tiegħi ser niġbor taħt erba’ aspetti fejn tassew seħħ ċertu avvanz u għal kuntrarju f’liema setturi ma laħaq twettaq ebda kambjament pożittiv jew sewwasew rinovar sostanzjali.

14-il rakkomandazzjoni ttrattaw proposti għal AKTAR TMEXXIJA EFFIKAĊI

10 ttrattaw ir-rakkomandazzjoni dwar ETIKA u KONTABBILITA’ IFJEN 

 8 kienu rakkomandazzjoni fuq NETWORKING PRODUTTIV U MIFTUH

26-il rakkomandazzjoni iffukaw fuq FIRXA AKTAR WIESGĦA TA’ IMPENN.

AKTAR TMEXXIJA EFFIKAĆI

Sfortunatament hawnhekk jidher ćar li f’ćertu premessi essenzjali li saru, id-diriġenza fl-istrutturi amministrattivi differenti naqset milli timplimenta t-tibdil propost mill-Kummissjoni ‘Ann Fenech’.

Wara l-ixkanatura elettorali manja ta’ Marzu’13, “il-P.N. kellu jaħdem biex jerġa’ jitnissel u jissaħħaħ is-sens ta’ kolleġġjalita’ fost dawk kollha involuti fil-partit. Kellha ssir ħidma sabiex tispiċċa ghal kollox l-arja ta’ protagoniżmu individwali żejjed” .

Minflok kellha tingħata emfasi fuq ħidma kollettiva effikaċi b’għan wieħed prinċipali li jasal jerġa’ javvanza l-istanding tal-kredibilita’ u fiduċja li jgawdi l-Partit Nazzjonalista fost il-familji tal-eletturi.

Kien propost li kellha tingħata emfasi akbar fuq il-kwalitajiet ta’ umiltà, intelligenza u determinazzjoni fil-ħidma tal-kap tal-partit. “Il-kap il-ġdid kellu ifittex li idawwar lilu nnifsu personalment b’nies ta’ stoffa, onesti, leali u ta’ fibra morali għolja. Dawn kellhom ikunu l-ingredjenti li jagħmlu mexxej b’saħħtu u modern.” Inħalli sewwasew għall-immaġinazzjoni tal-qarrej kemm dan il-parir li jiswa’ mitqlu deheb ġie konkretament segwit mis-serje ta’ kapijiet sussegwenti għall-pubblikazzjoni tar-rapport.

Kellu wkoll jinħoloq “tim kompatt bit-tir li jgħin fil-formolazzjoni tal-ħsieb politiku u l-mod aktar attraenti tal-lingwagg li bih jiġu xprunati dawn l-istess ideat u pożizzjonijiet ta’ public policy fid-diskorsi tat-tmexxija”. F’dal-qasam kruċjali jidher li l-partit mal-medda tat-tmien snin li għaddew irnexxilu isib support professjonali u effettiv minn nies barra l-ambitu immedjat tal-istess strutturi ġewwinija tal-partit. Imbagħad nibtet ukoll proposta għal “distinzjoni aktar ċara bejn il-ħidma politika u l-qasam kummerċjali fejn is-segretarju ġenerali kellu jkun responsabbli biss u ffukat esklussivament fuq ix-xogħol strettament politiku”.

Jidher evidenti li s-sitwazzjoni għadha ma tranġatx tant faċilment u ma’ daqqet il-pinna. Jidher li r-riformi kollha li huma meħtieġa sabiex din ir-rakkomandazzjoni isseħħ fir-realta’ għadhom sew ‘il bogħod.

ETIKA U KONTABBILITA’ IFJEN

L-għaxar proposti kuraġġjużi dwar dan il-qasam delikat jidhru li ġeneralment qegħdin bil-mod il-mod jaraw id-dawl tax-xemx, almenu f’dak li jirrigwarda ‘l-implimentazzjoni fuq il-karta’ forsi anke aktar mir-rispett għall-ispirtu proprju tar-rakkomandazzjonijiet stess.

Dal-proċess indispensabbli fiċ-ċirkostanzi etiko-soċjali li jinsab fih in-Nazzjon Malti illum, qiegħed iseħħ u jinħass diġa’ bħala gwadann tanġibbli mal-medda tas-snin mir-riżultat elettorali tal-2013 ‘l hawn.

Fil-qosor, dawn l-aspetti taħt dan il-kapitolu ikopru “sforz kollettiv biex kull persuna involuta internament fil-partit tissielet sabiex tkun tassew trasparenti u responsabbli f’ħidmietha.” Kif ukoll li “Il-P.N. tramite l-Kummissjoni Kandidati u dik tal-Etika u Dixxiplina, għandu jiżgura li kull min jintgħażel sabiex jirrappreżenta u jikkontesta f’isem il-Partit Nazzjonalista għandu jiġi effettivament mgħarbul u skrinjat għall-kwalita’ tal-karattru u mġiebtu personali qabel ma jiġi vvalidat u awtorizzat ikun kandidat validu. Persuna li tassew tkun tista’ f’ħajjitha ta’ kuljum tixhed għall-valuri etiċi-morali, l-aspirazzjonijiet, il-policies-pubbliċi kif ukoll għall-proġetti politiċi u s-serjeta’ fil-komportament hekk kif imħaddna u eżiguti mill-istess statut tal-partit, partikolarment il-kapitoli tat-taqsima: “VIŻJONI U MISSJONI “. U l-istess kellu jgħodd għall-kandidati għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.

Dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti politići, kien irrakkomandat li l-P.N. kellu jagħti appoġġ politiku sħiħ għal din l-inizjattiva xierqa u ġustament din il-proposta ssarrfet f’attitudini pożittiva anke permezz ta’ twaqqif f’waqtu ta’ kumitat konsultattiv finanzjarju li beda jeżamina u jagħti pariri lid-diriġenza tal-partit dwar aspetti ekonomiċi u finanzjarji tat-tmexxija amministrattiva tiegħu.

Kien ġie ukoll propost b’suċċess li l-P.N. kellu minn postu fl-Oppożizzjoni jistqarr u jixpruna politika ġusta u trasparenti favur il-ħatriet ta’ uffiċjali pubbliċi biex ikunu xempju meritokratiku tas-serjeta’ u tal-kompetenza tal-individwi magħżula.

Dwar l-implimentazzjoni tal-perjodu ta’ servizz ta’ għaxar (10) snin bħala l-limitu massimu stabbilit għall-karigi ta’ prim ministru, ministru jew kap tal-partit fl-oppożizzjoni, jidher li din s’issa baqgħet fuq l-ixkaffa.

Fl-aħħarnett taħt dan il-kapitolu, il-Partit Nazzjonalista jidher li għadu ma ħa ebda pożizzjoni ċara, konkreta anzi definittiva kontra l-użanza abbużiva daqs kemm tibqa’ oxxena tal-misħut ‘BLOCKVOTING’ waqt il-proċedura ta’ votazzjoni fil-livelli kollha tal-partit inkluż fl-elezzjonijiet għall-ħatriet għall-kumitat eżekuttiv kif ukoll fuq livell sezzjonali. Dan il-proċess skifuż u ‘antidemokratiku’, jekk jibqa’ ma jiġix uffiċjalment iċċensurat u kkastigat severament mill-kummissjoni elettorali / kunsill amministrattiv tal-partit f’każ li jiġi ppruvat, għad joħloq diżgwid u saħansitra kaos ġenerali fl-eventwalita’ li tkun prattika wżata f’elezzjoni futura sabiex jiġi maħtur kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista meta għad tinħoloq xi vakanza f’din l-għola kariga. Jekk ikollha tinqala’ sitwazzjoni anomala fejn ikunu jinġiebu l-provi Ii l-votazzjoni tul il-proċess elettorali permezz tal-għażla gradata fost il-kontendenti (kif issa ġiet approvata għal ħatra tal-kap tal-partit) ġiet immanipolata b’dal mod fażull anke illeċitu, dan ikun jikkostitwixxi intopp skabruż li jkun ta’ għajb għall-valuri ta’ trasparenza u kontabilita’ li dejjem ipprova iħaddan bi sħiħ l-istess Partit Nazzjonalista.

It-8-il rakkomandazzjoni fuq NETWORKING PRODUTTIV U MIFTUĦ u 26-il rakkomandazzjoni li kienu ffukati fuq FIRXA AKTAR WIESGĦA TA’ IMPENN, ser inkun qed nikkummenta dwarhom fir-raba’ u l-aħħar parti ta’ din l-analiżi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *