Where your opinion counts

Illum u għada għandha d-diskors tal-budget: kif ser iwieġbu Bernard Grech u Robert Abela?

Blog post minn osservatur politiku

Bejn it-Tnejn u t-Tlieta ta’ din il-ġimgħa se nkunu qed nisimgħu lill-kap tal-Oppożizzjoni u lill-Prim Ministru jindirizzaw lill-poplu Malti u Għawdxi mill-Parlament fid-diskussjoni tal-budget. Dawn huma żewġ indirizzi li jista’ jkollhom messaġġi politiċi importanti, issa li nafu li qegħdin qrib elezzjoni ġenerali.

Iż-żewġ mexxejja se jagħmlu ħilithom biex jiskorjaw kemm jistgħu punti politiċi. It-tnejn jafu li Malta u Għawdex kollha se jkunu qed jisimgħu d-diskorsi tagħhom. Il-poplu jinsab pjuttost ħerqan biex jisma’ liż-żewġ mexxejja għax żgur li se tkun okkazzjoni fejn juruna l-viżjoni tagħhom għaż-żmien li ġej, jiġifieri għal-leġislatura ġdida li se tkun qed tibda’ fi żmien ftit ġimgħat oħra.

Nistennew is-soltu botti fuq xulxin u fuq il-partiti rispettivi tagħhom, imma nispera li nisimgħu wkoll kif se jħarsu lejn il-problemi li għaddejjin fuq pajjiżna bħalissa. La dawn id-diskorsi se jinżertaw ġranet qabel elezzjoni, kulħadd se jkun attent biex jisma’ kif it-tnejn li huma, flimkien mal-partiti rispettivi tagħhom, se jaffrontaw dawn il-problemi tal-pajjiż. L-elettorat, apparti il-battuti mistennija, se jkunu qed iħarsu lejn dawn iż-żewġ diskorsi bħala preludju għal dak li ġej waqt il-kampanja elettorali.

Nispera li ma jkollniex diskors mill-kap tal-Oppożizzjoni li kollox iswed u ta’ dwejjaq f’pajjiżna. Nispera li ma jkunx xi kantaliena ta’ negattivita u li allaħares ma jinbidilx il-Gvern għax Malta u Għawdex jaqgħu fl-infern. Ilu biżżejjed negattiv il-Partit Nazzjonalista, speċjalment fi żmien Simon Busuttil, u donnu Bernard Grech qed jimxi wisq fuq il-passi tiegħu. Nispera li nisimgħu li l-budget kien tajjeb ma setturi vulnerabbli fil-pajjiż, bħalma huma l-pensjonanti u dawk fuq il-faxxa ta’ isfel tas-soċjeta għax hemm bżonn urġenti li nibdew naraw il-pożittiv ukoll fl-avversarji politiċi.

Il-kritika hija bżonjuża u li tagħmel skrutinju fuq il-Gvern hija wkoll neċessarja imma mhux li xxaqleb il-miżien lejn il-ħażin mingħajr ma tkun fattwali mal-verita’. Jekk irid jitlef iktar voti mill-elettorat, kull ma jrid jagħmel Bernard Grech li jaqbad il-kantaliena ta’ dak kollu li jagħmel il-Gvern huwa ħażin u r-riżultat ikun diżastru assolut. Biex jipprova jiġbed lejh xi eletturi, l-uniku ħaġa li jrid jagħmel huwa li jkun kredibbli f’dak li jgħid u mhux jagħti pinzellata sewda fuq kull ħaġa li toħroġ mill-kamp oppost.

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru jrid ikun preparat li jagħti indikazzjonijiet tanġibli għall-problemi li qed jaħkmu lill-pajjiż bħalissa. Nispera li ma jirrispondix biss lin-nies tiegħu jew jilgħab għal dik is-sezzjoni tal-elettorat. Irid jipprova jikkonvinċi lil dawk li verament huma nkwetati fuq is-sitwazzjoni kurrenti. Nittama li se nisimgħu minn għand Dr Abela kif Malta se terġa’ tikseb ir-reputazzjoni li tilfet minħabba Gvern Laburista preċedenti u li issa hemm bżonn urġenti li pajjiżna jerġa’ ibiddel il-kuluri skuri li għandu fuqu.

Bħala Prim Ministru, d-diskors tiegħu huwa mistenni jkun aktar fuq direzzjoni u kif se jissolvew il-ħafna problemi li qed jiffaċċja il-pajjiż. Fosthom il-greylisting li kienet minsija totalment fid-diskors tal-budget, x’se jagħmel fuq il-bejgħ tal-passaporti wara li qlajna ċanfira minn għand il-President tal-Parlament Ewropew u kif se niffaċċjaw il-problemi tal-ħlas għall-enerġija. Dan bil-fors irid ikun diskors iktar importanti mid-diskors tal-budget, jekk verament irridu nkunu nafu x’se joffrilna l-futur u x’viżjoni għandu l-Gvern għall-futur qarib u dak pjuttost imbiegħed.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *