Il-lejla Bernard Grech irid joqgħod attent li ma jagħmilx proposti fiergħa

Blog post minn osservatur politiku

Id-diskors ta’ Bernard Grech għat-tweġiba tal-budget huwa mistenni u hemm min qed jikkummenta li qed jistenna ħafna iżjed wegħdiet, f’forma ta’ proposti, li bħalissa ħerġin minn Bernard Grech u minn kull min jindirizza xi konferenza tal-aħbarijiet. Biss jidher li għalkemm iż-żmien qed jagħfas, meta se tasal l-elezzjoni ġenerali, xorta jidher li l-Partit Nazzjonalista nqabad fuq sieq waħda.

Ikun inutli li nibqgħu ngħidu li ma jistax jagħmlu mod ieħor għaliex il-problemi interni huma kbar wisq. Dawn suppost sparixxew kif appena nbidel il-kap tal-partit imma għadhom hemm. Dawn suppost waqfu u kien hemm għaqda soda, kif appena l-klikka ħadet dak li riedet, jiġifieri li warrbu lil Dr Adrian Delia. Il-klikka kienet dilket lil Bernard Grech bħala l-għażla awtomatika tagħha, għax hekk ġie mponut meta twarrbet Metsola u Commodini Cachia u ntgħażel Bernard Grech, f’laqgħa privata u mistura fis-Siġġiewi jew f’H’Attard.

Ħadd ma jista’ jwaħħal fil-predeċessur ta’ Bernard Grech għaliex dan kif appena tilef l-elezzjoni tal-kap, iddikjara b’mod l-iżjed skjett li hu kien se jaħdem id f’id mal-kap tiegħu, Bernard Grech. Saħansitra l-bieraħ stess, Adrian Delia deher b’mod miftuħ jieħu b’idejn Bernard Grech f’Ħal Balzan, fejn intbagħat sinjal ċar li hemm l-appoġġ neċessarju reċiproku biex jaħdmu flimkien għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista.

Żgur li ma jistgħux iwaħħlu f’Adrian Delia jekk bħalissa ħerġin proposti qishom pastizzi minn kull min jidher fuq it-television. Il-Partit Nazzjonalista sar qisu Father Christmas lejlet il-Milied, joffri u jqassam lil kull min jitkellem fuqu jew jiġi quddiemu. Bħalissa l-Partit Nazzjonalista donnu telaq fuq ġirja ta’ offerti bla qies mingħajr ma hu qed iqies kemm jistgħu jiġu jiswew dawn l-offerti kollha. Qed jagħmel l-istess żball tal-gvern li għamel budget sabiħ iżda jaf ġa li terz biss tiegħu jista’ jimplimenta.

Donnu li toffri kollox lil kulħadd jakkwistalek ħafna voti. Hawn ukoll qed jipprova jimita lill-Gvern. Imma l-agħar li dak kollu li qed jiġi propost mhux qed jiġi akkumpanjat b’xi tabelli numeriċi li juru kemm se tiswa’ lill-pajjiż kull proposta. Bħal donnu hemm tellieqa ukoll biex jiltaqa’ kemm jista’ jkun ma’ setturi differenti u qed jagħmel ħiltu biex jwegħdhom l-ilma jiżfen basta jipprova jiġbed l-appoġġ tagħhom.

Biss irid joqgħod attent Bernard Grech għax kull darba qed jinqabad fuq sieq ħażina għax qed jiġi mistoqsi dwar l-istudji neċessarji wara kull proposta. Grech qed jibgħat messaġġ li dawn l-istudji ma jkunux saru jew ma ġiex briefed dwarhom. Meta jiġri hekk il-proposti jiġu mniżżla bħala wegħdiet fiergħa għax ma jkunux saru bi professjonalita’ rikjesta.

Leave a Reply