Nuqqas ta’ viżjoni tal-Kumitat tal-Covid19 fil-Partit Nazzjonalista titfa’ dawl dwar l-attitudni fl-elezzjoni li ġejja

Blog post minn Osservatur politiku

Nittama li l-attitudni tal-Partit Nazzjonalista lejn l-elezzjoni ġenerali ma tkunx mibnija fuq il-binarju li fuqu nbena l-kumitat intern tal-Covid. Il-mod dilettantesk li bih ġie mmexxi dak il-kumitat, kien ta eżempju ċar ta’ kif ma għandiex tinbena strateġija. Apparti li falla fl-aktar punt fundamentali għal kwalunkwe kumitat, dak li tiltaqa’ b’mod regolari, xi ħaġa li l-kumitat tal-Covid ma għamilx.

Nispera wkoll li l-metodu li jista’ jintuża għall-kampanja elettorali li ġejja ma tkunx ibbażata fuq it-twerwir u l-biża bħal ma sfortunatament għamel il-kumitat tal-Covid. Ebda politika ma tista’ tfassalha fuq il-babaw. Lanqas tista’ tkun daqstant negattiv li tibda tħares lejn l-avversarju politiku tiegħek b’mod totalment negattiv.

Ma tistax tieħu dik l-attitudni li kull ma jagħmel il-partit oppost kien dejjem u kontinwament ħażin. Ma jistax ikun li partit politiku jfalli dejjem. Ma jistax ikun li tara lill-partit oppost fil-ħażin biss. Dak il-kumitat tal-Covid ma tantx kien effettiv. Ma tantx tana xi idejat kif stajna nikkumbattu l-pandemija. Mela nispera li jsir x’isir fil-partit ma jieħdu ebda sinjal jew eżempju minn dak il-kumitat. Inutli ssir kritika lejn l-avversarju politiku li tkun fatturata fuq immaġinazzjoni u mibnija fuq nuqqas ta’ informazzjoni.

Ir-riżultat ikun biss li jkollok tibla’ kliemek, bħal ma ġara, kif jgħaddi ftit taż-żmien. Meta tiffoka biss fuq it-tmaqdir lejn il-partit oppost u ma tagħti ebda informazzjoni dwar xi triq għandha tittieħed, dak ikun juri biss nuqqas ta’ preparazzjoni lejn ir-realta li tkun għaddej minnha.

Tant saret kritika faċli, mgħaġġla u mhux studjata illi l-Partit Nazzjonalista spiċċa bela’ ilsienu dwar il-pandemija. Tant kien żbaljat fin-negattivita tiegħu li tefa’ piż fuqu nnifsu li ġie ttimbrat bħala partit politiku espert biss fin-negattivita u fin-nuqqas ta’ ħsieb. Minflok ipprova jiġbed dawk ta’ kontra l-vaċċin lejn, spiċċa kważi jagħmilhom gwerra, meta ħafna minnhom ġejjin mill-kamp Laburista.

Dan il-kumitat u l-kritika li saret b’riżultat tal-istess kumitat, kien eżempju li wera nuqqas ta’ kapaċita’ f’deċiżżjonijiet prattiċi meta l-pajjiż jiġi ffaċċjat minn kwalunkwe kriżi. Il-Covid u l-mod li ħadem fuqha l-Partit Nazzjonalista ma bagħatx sinjal ta’ serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi.

Għal kuntrarju nxtered messaġġ li ma għandhomx mod prattiku u rraġunat jekk jiġu biex ikunu fdati bit-tmexxija tal-pajjiż. La għoġob lil dawk li kienu favur aktar miżuri restrittivi u l-anqas lil dawk kontra. Kull ma għandu jagħmel wieħed imur Paceville, is-Sibt fil-għaxija u tara n-nies fuq xulxin!

Dak il-kumitat u dak li ġara fuq il-pandemija ma tantx awgura tajjeb fuq it-tmexxija kurrenti tal-Partit Nazzjonalista, tant li kieku kulħadd jiftakar lejn dak li ħareġ mill-kumitat fuq il-Covid, kieku l-Partit Nazzjonalista jista’ jibqa’ ċert li ma għandu l-ebda ċans li jħares lejn xi rebħa fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

One comment

Leave a Reply