Għaliex il-PN qed jidher bħala partit bla viżjoni?

Jista’ l-Partit Nazzjonalista jagħti viżjoni maħsuba u studjata sewwa meta kontinwament għaddej minn turbolenzi fi ħdanu? Affarijiet li jinqalgħu internament ma jistgħux iħallu lill-partit ikun konċentrat biex jibni l-viżjoni tiegħu. Viżjoni ta’ partit politiku ma tinbeniex billi xi ħadd jitfa’ xi ħsieb jew idea. Il-viżjoni għandha tkun xi ħaġa maħduma bejn il-protagonisti tal-partit li lesti li jiddedikaw ħinhom biex jistudjaw ħsibijiet tanġibli li jkunu jistgħu jressquhom lill-pubbliku.

Il-membri fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qed jiltaqgħu biex jiddiskutu battibekki u nkwiet li sikwiet qed jinqala’ fi ħdanhom. Lejlet elezzjoni ma jistax jintilef ħin prezzjuż biex jiġu diskussi affarijiet interni u ma jinbeniex pjan sod u effettiv.

Hemm bżonn urġenti li tiġi kreata politika ġdida li tkun effettiva fuq il-ħajja tan-nies. Sal-lum għadhom ħarġu proposti ‘l hemm u ‘l hawn, imma għadha ma ħarġitx viżjoni ħolistika li tpoġġi lill-Partit Nazzjonalista fuq skala soda li jista’ jippreżenta ruħu quddiem il-poplu bħala Gvern alternattiv.

Il-mistoqsija li l-poplu għad ma għandux risposta għaliha hija: jekk il-Partit Nazzjonalista jieħu l-Gvern fl-elezzjoni li ġejja, liema politika se jadotta għal pajjiżna?

Bħalissa donnu qabad narrattiva li kull ma joħroġ bih jew jadotta l-Gvern, l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista qed jgħidu li din kienet diġa twettqet jew ħarġet mill-Partit Nazzjonalista. Inkella hija ħażina. Donnu qed jipprova jinqala’ minn din is-sitwazzjoni mbarazzanti billi kull proġett jew wiegħda li jsemmi l-Gvern, qiegħed iwieġeb li dik kienet ikkuppjata minn ideat Nazzjonalisti.

Kemm ilna ngħidu li Partit politiku ma jerbaħx il-Gvern billi joqgħod jikkritika biss dak li qed iwettaq il-Gvern. Ma jistax jibqa’ għaddej b’din in-narrattiva għax ma tagħmilx sens. Ma jistax ikun li kull ma jwettaq il-Gvern, b’kumbinazzjoni kienet qiegħda fil-ħsieb tal-Partit Nazzjonalista jew kumbinazzjoni kien semmieha x’imkien xi ħadd fil-Partit.

Fil-ħajja li qed ngħixu llum li kull aħbar tasal għand il-poplu fi żmien sekondi, ħadd u xejn ma jista’ jiġi mistur. Allura l-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa’ jistma lil-poplu qisu iblah għax qed jitlef il-kredibilita’ tiegħu. Illum tant l-informazzjoni hija komunikata tajjeb u minn ħafna bnadi li kull votant kapaċi jifhem, jevalwa u jinduna min qed jgħid il-verita’.

One thought on “Għaliex il-PN qed jidher bħala partit bla viżjoni?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *