Bernard Grech ma wieġibx dwar is-salarju u l-kawża li qed jagħmel Christian Peregin

Blog post minn osservatur politiku

Dr Bernard Grech kellu laqgħa mal-Awtorita’ tax-Xandir u meta spiċċa ta l-kummenti tiegħu lill-ġurnalisti li kien hemm jistennewh. Il-ġurnalista tal-ONE għamillu tliet mistoqsijiet, b’waħda minnhom tkun dwar Peregin u kienet tistaqsi hekk:

Komdu inti li tagħti €60,000 lil Christian Peregin meta għadu jidher f’kawża kontra n-NET?

It-tweġibaa ta’ Dr Grech kienet din:

Rigward il-paga illi qed jingħata, o meno, Peregin. Peregin qed jagħmel xogħol tajjeb u jidher tant jinkwitakom li kważi f’kull konferenza tal-aħbarijiet issaqsini domanda dwar Peregin.

Qed tinnotaw xi ħaġa stramba fit-tweġiba li ngħatat? Il-mistoqsija kienet tittratta lil Peregin, imma speċifikament fuq il-paga tiegħu u fuq il-kawża li l-istess Peregin għandu l-qorti kontra n-NET TV.

Fit-tweġiba jissemma Peregin, imma ma hemm ebda referenza għaż-żewġ suġġetti msemmiha fil-mistoqsija. La fuq il-paga u lanqas fuq il-kawża tal-qorti. Mela nistgħu nikkonkludu li Dr Bernard Grech ma setax jirrispondi fuq iż-żewġ suġġetti għax jidher ċar li jkollu jwieġeb billi jigdeb.

Prova jiskappa l-mistoqsija billi jfaħħar lil Peregin. Imma ma għamel l-ebda referenza għal kemm qed verament jaqla’ Peregin. Dak huwa ammont li ma jistax jirreferi għalih meta fl-istess żmien għaddejja kampanja mill-partit tiegħu biex jiġbru l-finanzi, bżonnjużi qed jgħid, biex jagħmel kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali.

Kif tridu jikkonferma l-paga ta’ Peregin biex min jisimgħu jgħid u jikkonferma li l-flus li jagħti lill-Partit Nazzjonalista l-ewwel li jmorru huma fl-envelope tal-paga ta’ Peregin? Kif tridu jikkonferma paga estravaganti lejn persuna meta kulħadd jaf li l-partit qed jegħreq fid-djun li għandu? F’dak li għandu x’jaqsam mal-kawża kontra l-media tal-partit tiegħu stess, Dr Grech ma tantx jista’ jwieġeb.

L-ewwelnett kien l-istess Peregin li għalaqlu ħalqu, meta ħareġ jgħid pubblikament li Dr Grech tah il-barka tiegħu li jibqa’ għaddej bil-kawża msemmija.

It-tieni kif tista’ tikkummenta meta, jekk hu veru għax Dr Grech ma kkonferma qatt, li inti tagħti lill-aktar bniedem importanti fi-segretarjat tiegħek bħalissa, l-fakulta’ li jitla’ l-qorti jiġġieled kawża li b’kwalunkwe mod tista’ tpoġġi b’pożizzjoni antipatika lill-partit tiegħek stess.

Jekk hu veru li Dr Grech ta l-permess lil Peregin biex ikompli bil-kawża, hija sitwazzjoni tant redikola li diffiċli li wieħed jifhimha. Għax kif jista’ ħaddiem ta’ ażienda jkollu ġlieda fil-qorti kostituzzjonali kontra l-ażienda li qed titimgħu u li qed iżżommu bħala mpjegat tagħha.

Għad irridu naraw jekk verament Dr Bernard Grech tahx tassew il-barka tiegħu lil Peregin. Jekk mhux veru li Peregin għandu l-barka ta’ Dr Grech, il-pożizzjoni kemm ta’ Dr Grech kif ukoll ta’ Peregin ma jibqgħux iktar tenibbli, għax ma jistax ikun li mpjegat tiegħek jagħmel kawża biex jagħlaqlek ħalqek b’dak il-mod.

Leave a Reply