Where your opinion counts

Waqt li Robert Abela naqqas mill-popolarita’, Bernard Grech naqqas aktar minnu: b’hekk Abela żied id-distakk favurih

Is-survey tal-Ħadd li għadda tana riżultati interessanti li ftit li xejn rajt artikli jew persuni jitkellmu dwarhom. Fil-verita’, skont dan is-survey, il-Prim Ministru Robert Abela naqqas b’żewġ punti. Mela l-prim ministru naqqas mill-popolarita’. Imma għala xorta kulħadd jitkellem dwar il-kap tal-oppożizzjoni? Għaliex il-kap tal-oppożizzjoni naqqas b’erba’ punti. Għalhekk relattivament, anki jekk il-Prim Ministru naqqas, huwa spiċċa biex avvanza b’żewġ punti! Din hija l-assurdita’ politika li qed ngħixu llum.

Fuq kollox, dan is-survey ħareġ li l-Partit Nazzjonalista mhux fl-aqwa forma tiegħu bħal ma kien fis-snin tmenin u fid-disgħinijiet. Biss illum, il-kap tal-partit mhux kapaċi jkun għola mill-istess partit. Dan għaliex fis-survey tal-Ħadd li għadda, il-kap tal-partit għal darba oħra kien inqas popolari mill-partit stess. Kieku il-Partit Nazzjonalista kellu kap li hu aktar popolari mill-partit innifsu, kieku illum kien ikollu ċans javvanza.

Mela x’inhu r-riżultat ta’ dan kollu? Huwa tajjeb li wieħed jikkonkludi li fil-kamp tal-Partit Nazzjonalista, l-akbar problema huwa l-kap stess. Huwa veru li wieħed jista’ jasal biex jgħid li bħalissa Dr Bernard Grech flok jiġbed votanti lejn il-partit iktar qed ibiegħedhom. Huwa minnu li wieħed jasal għall-konklużjoni li Bernard Grech sar piż fuq il-partit tiegħu stess għax għandu prim ministru li niżel fil-popolarita’ imma kap li qed jitlef il-popolarita’ aktar mill-istess prim ministru.

Għaliex qed jiġri dan? Dan qed jiġri għaliex l-istrateġisti li għandu qed jagħtuh numru ta’ żbalji.

L-ewwel falza stikka ħadha meta ħarġet l-aħbar li kellu ftit tal-problemi ma’ tat-taxxa. Dak in-nhar, donnhom ħafruhielu s-sostenituri tal-partit. Biss meta ħa postu bħala kap reġa għamel żball li mhux se jintesa daqshekk malajr. Ma kellux għalfejn jiftaħ ħalqu li meta jsiefer hu jiċħad lil pajjiżu u jiddikjara li hu Grieg. Hija x’inhi r-raġuni għaliex kien jagħmel hekk? Din spiċċa bħal l-istorja tal-qabar ta’ Kristu. Ser tibqa’ tiġi warajh tul il-karriera politika tiegħu.

Problema oħra li qed jiffaċċa Bernard Grech u li qed tnaqqaslu l-popolarita’ hija li ħafna drabi ma jqisx kliemu u diversi drabi jitfa’ l-ġebla fuq saqajh. Wara jkollu jara kif se joħroġ mill-isqaq li jkun tefa’ lilu nnifsu ġo fih. Hemm ħafna eżempji oħra x’wieħed jista’ jagħti imma jekk insemmu wieħed biss ikun biżżejjed.

Dan l-aħħar qalilna, naħseb l-iskop uniku kien għaliex jinsab taħt pressjoni kbira interna, li jekk xi ħadd joqorsu jsir iljun. Dan spiċċa għamel karikatura politika tiegħu nnifsu. Hemm ħafna modi kif tiddiskrivi r-re tal-ġungla. Imma spiċċa biex ħalla lil kulħadd ipinġi l-istampa tiegħu kif irid hu jew hi.

Waħda mill-problemi kbar li jġorr miegħu Bernard Grech toħodna lura għall-kampanja elettorali tal-kap li huwa għamel. Kien hemm ħafna deputati, kandidati u uffiċjali tal-partit, li mhux biss tawh l-appoġġ tagħhom, imma li resqu fuq it-tesserati u għamlu ħilithom biex jikkonvinċuhom jivvutaw lil Dr Grech. Żgur li rnexxielhom għax kieku mhux qiegħed hemm. Ħafna minnhom kienu wkoll jagħmlu parti mill-famuż establishment li tant għamel ħsara b’ċertu atteġġjamenti tiegħu.

Issa biex wasal jieħu s-siġġu ta’ kap iddejjen ma’ ħafna nies li tant ħadmulu. Imma bħalissa għaddej iż-żmien li dawn jistennew li jitħallsu għal dak li għamlulu. Kien hemm sitwazzjonijiet fejn Dr Grech prova jieħu r-riegni f’idejh u jiddeċiedi hu. Imma rrealiżża mill-ewwel li ma setgħax għax ħasshom jiġbdulu l-ispag u wrewh li ma kienux qed jieħdu gost.

Ma nistgħu qatt ninsew, li anke Manuel Delia pubblikament wissieh li għandu joqgħod attent għax kif poġġewh malajr ineħħuh. Manuel Delia qallu li huma qiegħdin għassa tiegħu u biex isibu sostitut għalih kienet ħaġa faċli.

Ir-riżultat ta’ dan kollu hu li spiċċa jitlef il-popolarita’ tiegħu fi żmien qasir. Waqt li l-istess Prim Ministru Robert Abela qed inaqqas il-popolarita’ fil-Partit Laburista, minħabba dawn l-iżbalji ġiet ikkreata din is-sitwazzjoni anomali fejn l-istess Prim Ministru qed jidher javvanza aktar minn Grech u l-istess partit tiegħu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *