Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qed jittieħed mill-marda tal-“Jiena”.

Blog post minn Dr. Hermann Farrugia

Wara s-sensiela ta’ ‘gaffes’ madornali fil-lingwaġġ politiku wisq EGOĊENTRIKU li sfortunatament tlissen ripetutament u b’wisq aċċenn mill-kap tal-Partit Nazzjonalista, waqt is-serje ta’ ‘Questions & Answers’, totalment orkestrati x-xahar li għadda, issa l-elettorat tal-10 Distrett ġie irregalat sitwazzjoni bil-wisq aktar infeliċi u skabruża għall-aħħar.

Kandidat intelligenti u pjuttost żagħżugħ, li għalkemm ġdid għal dan id-distrett iżda issa mlaħħaq fl-ogħla kariga tal-Partit Nazzjonalista, jaf bentajjeb li f’din il-kostitwenza partikulari, hemm kohort ta’ nies li tista’ tivvutalu. Fil-viżjoni tiegħu, din il-kohort partikolari, magħmula minn votant medju, tippretendiha li hi pjuttost aħjar minn ħaddieħor. Dan joħroġ minn fuljett li dan l-istess kandidat bagħat lir-residenti ta’ dan id-distrett.

Kif dal-kandidat indika tant tajjeb fil-fuljett elettorali propagandistiku tiegħu, huwa jemmen li poplu edukat “JIFFORMA OPINJONI B’MOĦĦU” u mhux semplićement “JIĠI INFURMAT” u joqgħod fuq li jintqal jew li jgħidulu. Il-bużillis hu li bħal sieħbu fid-diriġenza, il-kap tal-partit stess, ‘Il-JIEN’ qiegħed jittieħed bħala virus perikoluż u jirkeb fuq is-sens tar-raġuni, tat-temperanza u tal-umiltà.

B’appelli personali imponenti permezz ta’ kitba awto-glorifikatorja bħal ma huma il-frażijiet: ‘JIEN NEMMEN’ u ‘Il-FUTUR TAGĦNA” magħmula fit-titlu tal-fuljett u ħdejn din il-frażi tqiegħed ir-ritratt tiegħu. Fi kliem ieħor, qed jgħid lin-nies li l-futur tagħhom huwa propju hu. Saħansitra huwa kiteb il-frażi “KUN PARTI MILL-MIXJA TIEGĦI”.

B’hekk mhux talli strateġikament din l-attitiduni ma tiswiex ta’ vantaġġ għall-kandidat-president, iżda lanqas ma tagħmel ġid għall-armonija fost is-sett ta’ kandidati tal-partit fuq dan l-10 Distrett. Infakkar li dan id-distrett kien dejjem ġie ipperċepit bħala elettoralment kruċjali għall-Partit Nazzjonalista.

Dan hu raġunar ta’ persuna politikament ambizzjuża li qed tħares lilhinn mill-kariga li għandu ta’ President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply