The Times ma tfakkarx dak li ġara 42 sena ilu

Blog minn ossevatur politiku

Fil-15 ta’ Ottubru ta’ 42 sena ilu, Malta niżlet fl-istorja tagħha ġurnata sewda. Dak in-nhar il-marmalja soċjalista marru fuq orġja ta’ attakki li ħallew ferita enormi fuq Malta tagħna. Dak in-nhar rajna realtajiet li qatt ma konna ħlomnihom. F’sakkra ta’ vjolenza u kattiverja li ma timmaġinahiex, f’dillirju ta’ mibgħeda, f’luppjar ta’ nies għomja għar-raġuni, f’avvenimenti ta’ ħdura rajna d-dar privata tal-Kap tal-Oppożizzjoni, dak in-nhar tiġi attakkata u sar fiha ħafna ħsara.

Biss tant kien hemm il-ħakma tad-dlamijiet fin-nies li kienu qed jattakkaw, li anke refgħu idejhom fuq l-uman. Sawwtu u werwru lill-familja ta’ Dr Eddie Fenech Adami, dak iż-żmien kap tal-Partit Nazzjonalista.

Ftit qabel dawn l-avvenimenti ġewwa Birkirkara, sar attakk qawwi ieħor fil-Belt fejn ġiet attakkata l-istamperija tat-Times of Malta. Pruvaw jagħtu n-nar lill-binja bin-nies ġo fiha. Kissru u farrku kemm felħu. Ġew litteralment jaqgħu u jqumu li f’dik il-binja kien hemm ħaddiema li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. Ma kienx jinteresshom, kienu lesti li jagħmlu kollox basta mingħalihom jagħlqu ħalq gazzetta prinċipali ta’ kuljum. Riedu jeqirdu x-xandir ta’ aħbarijiet li kienet twassal il-gazzetta ta’ kuljum. Attakkaw gazzetta rinomata u li kienet l-aktar mezz ta’ aħbar magħruf u moqri ġewwa pajjiżna.

X’biża ta’ nies, xi ħdura, x’delinkwenza, x’arroganza. Dawk kienu nies li addirettura ġew imfaħħra u rringrazzjati għal dak li għamlu u rreferew għalihom bħala suldati tal-azzar.

Kif seta’ l-poplu Malti u Għawdxi jifhem dak l-atteġjament minn grupp ta’ nies li kienu mogħnija biss bix-xewqa li ħadd ma jopponi t-tmexxija ta’ Gvern soċjalista dak iż-żmien?

Din hija parti mill-istorja li aħna li għixnieha ma nistgħu qatt ninsewha. Biss huwa aktar importanti li ħadd, l-anqas l-istudent tal-lum, ma għandu jinsa’. Dak għandu jkun parti mit-tagħlim taż-żgħażagħ, mhux biex jiftakru fil-vjolenza imma biex jirrealizzaw li huma qed jgħixu fis-sitwazzjoni preżenti, grazzi għal dawk li ġew qabilhom u li soffrew u stinkaw biex iħallu pajjiż aħjar għal uliedhom u ulied uliedhom. Għandhom bżonn ikunu jafu minn x’hiex għaddew missirijiethom ħalli jistinkaw huma wkoll biex f’pajjiżna ma jerġgħu qatt jirrepetu ruħhom dawk l-altroċitajiet li aħna għaddejna minnhom aħna.

Hija verament tal-iskantament li The Times ma fakkritx din il-ġrajja li finalment hija parti mill-istorja tagħha.

Leave a Reply