Where your opinion counts

L-elezzjoni qiegħda wara l-bieb u l-Partit Nazzjonalista huwa maqsum aktar minn qatt qabel

Blog post minn osservatur politiku

L-elezzjoni qiegħda wara l-bieb. Jekk issirx f’Novembru jew fil-bidu tas-sena d-dieħla, dejjem nistgħu nikkonsidrawha bħala elezzjoni fil-qrib ħafna. Dan huwa perjodu, il-ftit ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni, fejn l-elettorat mingħajr ma jaf, jibda jagħti ftit iktar każ ta’ kif se jiddiċidi kif se jitfa’ l-vot tiegħu.

Bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, jiġri x’jiġri, l-lealta’ tagħhom tibqa’ dejjem lejn il-bandiera li dejjem ħadnu, tajjeb li wieħed jagħti każ ta’ x’qed joffru l-partiti politiċi għall-elezzjoni ġenerali li ġejja u niffukaw ukoll fuq kif qed jippreparaw internament biex jiffaċċjaw din l-elezzjoni.

Per eżempju, fil-Partit Nazzjonalista għadha tispikka d-diviżżjoni li issa ilha teżisti għal numru ta’ snin. Ħalli nifthemu, diviżżjonijiet ilhom jeżistu kemm ilu li nħoloq il-bniedem. Imma l-ġlied u l-piki li rajna f’dawn l-aħħar snin fil-partit Nazzjonalista, żgur li qatt ma ħarġu fid-deher bħalhom.

Ma rridux nilludu rwieħna li ma kienx hemm inkwiet fi żmien Borg Olivier jew Fenech Adami. Daqs kemm ma kienx hemm fi żmien Gonzi. U anke għalkemm misturin kienu jeżistu wkoll fi żmien Busuttil. Imma d-diviżjoni qisha ħadet in-nar fi żmien Adrian Delia. Hemmhekk qabżet kull limitu. Kienet tant qawwija li ma kienx hemm bżonn ebda media soċjali biex tħossha. Kienet tant lampanti li konna ngħixuha kontinwament. Il-ġlied u l-piki rrenjaw bil-kbir f’dawn l-aħħar snin. Il-klikek li ffurmaw kienu tal-biża. Il-kattiverja li ħarġet kienet esaġerata. Qabel jekk kien hemm diżgwid u diffikultajiet kienu jibqgħu bejn l-erba’ ħitan tad-Dar Ċentrali.

Fl-aħħar snin dawn ħarġu fil-beraħ u ħadd minn dawk involuti ma kienu qed jiddejqu juru li jappartjenu għal xi klikka partikulari. Il-grupp parlamentari għadu sal-lum maqsum u ma nkun qed nikxef ebda sigriet meta ngħid li hemm maġġoranza assoluta li ma jiġbdux il-ħabel tal-kap tagħhom illum.

Tiltaqa’ ma min tiltaqa’, li jħaddan it-twemmin Nazzjonalista, jaf li hemm ħafna deputati li mexjin għal rashom u ma tantx qed jagħtu każ dak li qed jgħid Dr Bernard Grech. L-akbar problema li nħolqot kienet li l-klikka tar-ribelli li warrbet lil Dr Adrian Delia, ħadmet kemm felħet biex jitla’ xi ħadd ieħor ħalli ssir il-għaqda wara l-persuna l-ġdida. Hekk donnu deher li ġara għall-ewwel ftit xhur. Imma wara n-numri bdew juru li kien kollox mibni fuq ir-ramel.

Id-diviżżjoni reġgħet refgħet rasha waħda sew. Forsi d-diżilluzzjoni fil-kap tal-partit kienet xi ħaġa li ma kienux qed jistennewha. L-istess klikka li warrbet lil kap ta’ qabel, li ħadmet kemm felħet biex ittella’ lill-kap kurrenti, hija l-istess klikka magħmula minn diversi deputati li ħaditha qatta bla ħabel kontra Dr Grech.

Ir-raġunijiet huma diversi minn dawk ta’ Dr Delia, imma jinħass sewwa li l-għaqda bejniethom kienet soda daqs għoqda ċoff. Il-piki, għal min qed jagħmilhom u joħloqhom, qed jifirdu mhux biss deputati u kandidati mill-kap tagħhom, imma issa niżlu fil-livell ta’ kandidatura fl-istess distrett. Huma ħafna li qed jaqilgħu minn żniedhom biex joskuraw kandidat kontra ieħor.

Smajna b’diżgwid fid-distrett fejn joħroġ Beppe Fenech Adami. Imma qed jinħass ukoll il-qsim bejn il-kandidati fejn ħiereġ Dr Bernard Grech innifsu. M’humiex affarijiet li jimlew bil-kuraġġ lis-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista. Imma ma tistax titfa’ dawn l-affarijiet taħt it-tapit, għax dawn huma fatti li tarahom l-ħin kollu u tmisshom b’idejk. Hawn min jaħseb li dawn dejjem jiġru. Iva veru imma minn dejjem kien hemm livelli ta’ piki. Min dejjem kien hemm limitu ta’ livell ta’ ħsara li ssir. Imma illum donnu dan kollu intilef u saret gwerra miftuħa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *