Il-coffee morning tal-bieraħ u l-messaġġ mhux ikkurdat li twassal mill-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Kemm hu sabiħ li tara ritratti ta’ nies li qed jerġgħu jiltaqgħu għall-attivitajiet li qed jerġgħu jsiru fil-għodu. Tieħu pjaċir tara nies ta’ kulur politiku partikulari jerġgħu jibdew jinġabru flimkien, mhux biss biex jgħidu kelma flimkien imma wkoll biex jilgħabu ftit tombla.

Il-bieraħ kien imiss attivita’ fejn attenda wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex jiltaqa’ man-nies preżenti. Huwa għaddielhom messaġġ fejn qal li l-Gvern sab biss €1.75 biex iqassam lill-ħaddiema. Minkejja dan il-Gvern xorta kompla jżid il-piż fuq il-ħaddiema u jġiegħel familji Maltin u Għawdxin ikomplu jiddejnu.

Għal din ir-raġuni ukoll, qal Dr Bernard Grech, l-pajjiż għandu bżonn bidla. Hu kompla jgħid lil dawk preżenti li dejjem kien Gvern Nazzjonalista li, tul is-snin, ħadu ħsieb u elevaw lill-ħaddiema, l-anzjani u l-pensjonanti. Kompla jgħid li l-Gvern ħalla barra ħafna sezzjonijiet ta’ ħaddiema għax iż-żieda li ħadu kienet fjakka peress li ħadu biss €1.75. Lil dawk preżenti Dr Grech kompla jgħidilhom li kien budget kompletament vojt minn ideat ġodda bħala oqsma nnovattivi ta’ xogħol u investiment.

Dr Grech reġa’ mexa mal-ħsieb tad-diskors preparat li kellu, għax lanqas biss ta każ li n-nies li kien hemm madwaru kienu kważi kollha ta’ eta’ matura. Kollha nafu li f’dawn l-attivitajiet ta’ filgħodu, bħalma huma l-coffee mornings, l-aktar nies li jattendu jkunu dawk in-nies maturi li jkunu laħqu l-eta’ tal-pensjoni.

Issa jekk hemm saffa ta’ nies li marret tajjeb ma’ dan il-budget kienu l-pensjonanti. Fil-fatt Bernard Grech qatt ma semmielhom li huma kienu dawk li ħadu żieda tajba fil-pensjoni ta’ €5 fil-ġimgħa. Ikun inutli li lil dawn in-nies joqgħod jippriedkalhom kemm ħalla setturi nieqsa minn żidiet sostanzjali l-budget ta’ din il-ġimgħa.

Ikun aktar kredibbli li ikellem lil min ikollu quddiemu b’sinċerita u mhux jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel. Minflok qed jindirizza l-messaġġi lill-udjenza preċiżi, qed iwassal messaġġi li ma huma xejn ikkurdati mal-udjenza li jkollu. Anki jekk il-messaġġ li jkun qal hu tajjeb, għaliex verament il-1 euro 75c żieda hija daħqa fil-wiċċ, xorta l-messaġġ ma hux ser jasal.

Leave a Reply