L-editorjal tal-Ħadd tal-Illum, il-budget u l-elezzjoni ġenerali

Advertisements

Blog post minn osservatur politiku

L-editorjal tal-gazzetta Illum tal-Ħadd li għadda staqsa min se jkun kapaċi jsolvi l-isfidi li ġejjin fuq pajjiżna fl-2022. Dak il-maltemp kollu li għaddej madwarna u dak li jolqotna internament irid b’xi mod jew ieħor jissolva jew għallinqas jittrazzan. Min se jkun qiegħed jattakka dawn il-problemi u ma jħallihomx jaffettwaw lil pajjiżna?

Min miż-żewġ partiti se jippreżenta pjan sod u fattwali li jsolvi dan l-inkwiet li għaddej minn fuq pajjiżna. It-tweġiba tal-Partit fil-Gvern hija ċara, Il-Gvern ippreżenta l-budget bħala programm tiegħu. Kif intqal il-bieraħ. Dan hu budget ta’ elezzjoni.

Daqt irridu nagħżlu lil min se jsib soluzzjonijiet u ma jibżax jieħu d-deċiżżjonijiet. Dan ser nagħmluh permezz ta’ elezzjoni. L-għażla bil-għaqal tal-elettorat għandha tkun għal min lest li jħalli legat b’saħħtu fuq l-ekonomija, fuq il-finanzi tal-pajjiż, fuq l-ambjent u fuq il-ħajja soċjali.

L-akbar problema li rridu nħarsu lejha huma il-finanzi tal-pajjiż. Biex nippruvaw insolvu l-problema rridu nħarsu lejn id-dejn li nħoloq u li kompla jikber. Biss ma jistax ikun immaqdru jew nikkritikaw li l-finanzi tal-pajjiż huma ħżiena mingħajr ma naraw għaliex id-dejn nazzjonali wasal sa hemm. Ġa ktibt li l-kritika kontra l-budget mill-PN hija ħażina.

Irridu bil-fors nieħdu konsiderazzjoni x’effetti kellha l-pandemija fuq il-pajjiż. Kull settur ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin kellhom xi tip ta’ għajnuna fiż-żmien diffiċli tal-pandemija. Bil-‘wage supplement’ ġew salvati eluf ta’ xogħolijet f’diversi oqsma.

Dan fisser miljuni kbar ta’ pagamenti meta l-pajjiż kien qed isoffri minn żmien diffiċli ta’ dħul minħabba prinċiparjament li t-turiżmu waqaf għal kollox. Dan kollu sewwa u aċċettabbli. Imma issa, min se jieħu l-Gvern fl-elezzjoni li ġejja, irid jindirizza dawn l-isfidi akuti. Dan huwa argument quddiemna li rridu nagħtu każ meta niġu biex nagħtu l-vot tagħna. Min hu l-aktar kredibbli li jista’ jsolvi l-problemi: Robert Abela jew Bernard Grech? Min hu l-aktar kredibbli minn dawn it-tnejn u min għandu l-aqwa kredenzjali ekonomiċi biex jerġa joħloq il-ġid? Id-diskorsi tal-budget ser jagħtu ndikazzjoni.

It-tieni sfida li tinteressa lill-elettorat hija l-prezzijiet dejjem jiżdiedu speċjalment tal-ikel u tal-fuels. Min minn Robert Abela u Bernard Grech kapaċi jisma’ u jifhem il-karba tal-familji li qed iħallsu prezzijiet ogħla u min kapaċi joħroġ bl-aħjar soluzzjonijiet? Il-budget verament ser joffri soluzzjoni?

Mill-paroli t-tnejn li huma jridu jmorru għall-fatti. L-elettorat irid jisma’ soluzzjonijiet tanġibli. Irid jisma’ metodi ta’ kif il-poplu se jlaħħaq mal-għoli tal-ħajja u mhux paroli ħelu, jew wegħdi għal għada u xejn fattwali għal-lum. Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja ma hix reali.

It-tielet sfida importanti li l-elettorat irid ukoll jagħti kasha hija l-problema FATF. Lil min se nafdaw li joħroġ lil Malta mil-lista l-griża bl-inqas dannu possibbli? Dan mhux se jsir b’mod awtomatiku. Mela bil-fors irridu nużaw moħħna u naraw min qed joffri pjan kostruttiv li jwassal għat-tneħħija minn fuq din il-lista kerha. Din għal FATF mhux kwistjoni jekk jinbidilx il-Gvern jew le. Din hija sitwazzjoni li għandek żewġ realtajiet u aħna l-poplu, rridu nagħżlu l-aħjar għażla. Hemm bżonn ta’ tindifa kbira. Min lest li jwarrab u jassigura li ssir ġustizzja ma’ dawk li l-aktar għamlu deni lill-pajjiżna b’ħasil ta’ flus?

Min qed joffri l-aħjar riformi f’liġijiet u attitudnitajiet? Hemm ħafna x’isir u rridu naraw min miż-żewġ partiti għandu viżjoni tanġibli quddiemu. L-ambjent ipoġġi quddiem il-poplu deċiżżjoni għal min se nivvutaw biex jagħti l-importanza meħtieġa lil dan is-suġġett. Min minn Robert Abela u Bernard Grech se jwettaq dak kollu possibbli biex nippruvaw insalvaw dak il-ftit li fadal?

Għalkemm qed jinbnew ħafna toroq, se naslu li ma jkunux biżżejjed minħabba il-kwantita’ ta’ karozzi li qed inpoġġu fuq it-toroq tagħna kuljum. Min se joffri alternattiva tajba għal pajjiżna? Tal-linja b’xejn hija fit-triq it-tajba biss ser tidħol fis-seħħ fi żmien badget ieħor!

Hawn għandna bżonn Gvern li jieħu d-deċiżżjonijiet illum qabel għada. Għandha bżonn Gvern li jagħmel konsultazzjoni miftuħa ma’ kull min għandu interess. Għandna bżonn partit fil-Gvern li lest li jaqbad il-barri minn qrunu, jiddeċiedi u fuq kollox iwettaq. Dawn huma ftit mistoqsijiet li rridu nagħmlu lilna nfusna qabel immorru fis-skiet tal-kmamar tal-votazzjoni u nimmarkaw in-numri preferuti tagħna. Il-preferenza tal-vot tagħna trid tingħata lil min qed iserħilna moħħna li se jieħu l-Gvern biex iwettaq, li jurina li tassew għandu l-ġid tal-pajjiż prijorita tiegħu, li jurina li jiddeċiedi biss wara li jkun iddibatta u kkonsulta mal-esperti li għandna fil-pajjiż. Jekk nagħrfu nagħżlu min verament għandu l-ġid tal-pajjiż għal qalbu, inkunu għamilna l-aħjar għażla għalina u għal uliedna fl-elezzjoni li ġejja.