Il-mod ġdid kif isir l-għadd tal-voti ta’ kif jkun elett il-Kap tal-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Il-Partit Nazzjonalista għamel kambjament fil-mod kif jiġi elett il-Kap tal-Partit meta jasal il-waqt. Dan sar minn Louis Galea fl-aħħar statut li hu kiteb u li ressaq quddiem il-Kunsill Ġenerali fejn ġie aċċettat unanimament. B’dan il-mod ġdid ta’ kif jiġi elett il-Kap tal-Partit, se jieħu vantaġġ qawwi dak li jkun ġej minn ġewwa. Din is-sistema ta’ għadd tal-voti f’elezzjoni jissejjaħ ‘single transferable vote’ li jfisser li ma timmarkax numru wieħed, jiġifieri lil min trid tagħżel bħala Kap kif kien isir qabel, imma tikteb in-numri 1, 2, 3 skond il-preferenzi tiegħek. B’hekk tista tagħti vot lill-kandidati kollha li ħerġin għall-elezzjoni.

Din is-sistema hija l-istess bħal ma tintuża f’elezzjoni ġenerali. Imma din is-sistema hija dik ideali meta tiġi biex tagħżel il-Kap tal-Partit? Araw kif tista’ ssir manipulazzjoni biex tasal għall-iskop li jintgħażel jew tintgħażel pnersuna minn ġewwa.

Il-partit Nazzjonalista diġa’ uża din is-sistema meta saret l-elezzjoni interna biex jintagħżel il-kandidat li jirrapreżenta lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tar-reġjun ġewwa Għawdex. Dak in-nhar kien hemm Samuel Azzopardi, Robert Tabone u tnejn oħra. Il-Partit ried li jitla’ Robert Tabone. X’sar? Il-Partit ma riedx li jitla’ Samuel Azzopardi u għalhekk ħarġu tliet kunsilliera biex jippruvaw iwarrbuh. Dawn it-tlieta għamlu tip ta’ block vote u dejjem wirtu lil xulxin u tela’ wieħed minnhom, dak li ried il-Partit. B’dan il-mod baqa’ barra Samuel Azzopardi. Irridu niftakru li dak in-nhar Azzopardi kien ġab l-akbar numru ta’ unijiet. Imma għalkemm Azzopardi ġab l-akbar numru ta’ voti fuq ismu, meta intirtu l-voti hu baqa’ l-art.

Hemm ħafna tesserati li qed jgħidu li s-sistema ntrodotta taqta’ qalb kull kandidat għal Kap, li jista’ jiġi minn barra u li ma għandux l-appoġġ neċessarju ġo l-istess Partit. Fil-fatt kieku din is-sistema ta’ votazzjoni saret fl-2017, Dr Delia ma kienx isir Kap tal-Partit, jew ma kienx ikun hu li jġib l-akbar ammont ta’ voti.

Għal ħafna dan it-tibdil qed isir biex jekk wara l-elezzjoni li jmiss jitfaċċa xi ħadd minn barra biex jikkompeti lill-kandidat magħżul tal-establishment, jkun jistgħu joħorġu numru ta’ kandidati biex jgħinu lill-istess kandidat magħżul mill-establishment. Hekk tinxtered in-narrattiva li dawk li joħorġu minn ħdan il-Partit għandhom jirtu lil xulxin u hekk jeliminaw lil dak li jiġi minn barra.

Dan it-tibdil sab il-kunsens ta’ diversi deputati u uffiċjali tal-partit. Aħbar bħal din fil-gazzetta lejlet elezzjoni ma tantx tagħmel ġid lill-immaġni tal-amministrazzjoni preżenti tal-Partit Nazzjonalista. L-immaġni li qed tingħata hija dik ta’ Partit Makjaveljana li qed jilgħab bis-sistemi elettorali interni.

Leave a Reply