Għaliex Fearne għandu raġun fil-kritika tiegħu lejn il-kap tal-Oppożizzjoni?

Advertisements

Blog post minn osservatur politiku

Bħala kritika għall-budget li għadu kif ixxandar, il-Partit fl-Oppożizzjoni kixef erba’ billboards f’pożizzjonijiet strateġiċi f’Malta u xandar erba’ messaġġi ta’ kritika kontra dan il-budget. L-erba’ messaġġi jgħidu “L-agħar riċessjoni f’Malta fl-aħħar 40 sena”, “Serqu l-futur ta’ wliedek bil-greylisting”, “It-tieni l-akbar defiċit fl-Ewropa” u “€2,300,000,000 dejn ġdid f’ismek”.

Għandhomx raġun jew le jippubblikaw messaġġi bħal dawn, inħalli fl-interpretazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minnkom, għax il-budget kellu effett differenti fuq kull persuna. Biss irridu nagħmlu referenza li d-defiċit u d-dejn nazzjonali konna nafu li se jitla’ b’ammonti sostanzjali jew addirettura kbar, minħabba l-pandemija li laqtet lid-dinja kollha u aħna ma konniex eċċezzjoni.

L-awtoritajiet konċernati qalulna li se jkun hemm żieda f’dan id-dejn, xi ħaġa li wieħed jistenna meta l-awtoritajiet Maltin għamlu ħilithom biex jgħinu lill-Maltin u l-Għawdxin. Il-Gvern ma qagħadx lura li jagħti l-għajnuna neċessarja biex ma jintilfux impiegi. Qassam flus fl-idejn permezz tal-vouchers li waslu għand kull Malti u Għawdxi.

Laqa’ għall-mard tal-virus billi ttestja eluf kbar ta’ nies, laqqam f’perċentwali għoljin ħafna u kemm jista’ jkun malajr u prepara l-għajnuna neċessarja kollha fl-isptarijiet u ċentri oħra. Il-Gvern irridu nammettu li għamel dak kollu possibbli biex ħadd ma jitlef ix-xogħol tiegħu u biex ħadd ma jaqa’ jew jersaq fil-livell tal-faqar minħabba l-pandemija. Imma l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jaqbilx ma dawn l-għajnuniet. Huwa ddikjara li d-daqs tad-defiċit ma kienx b’riżultat tal-pandemija imma tela’ daqshekk minħabba il-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ direzzjoni mill-Gvern.

Issa biex tasal f’dan il-livell ta’ kritika meta l-għajnuna maħruġa mill-Gvern laqtet lil kull individwu, hija xi ħaġa li tħallik żbalordit. Kull Malti u Għawdxi, jekk ma kellux għajnuna fil-paga tiegħu, kellu l-vouchers x’jonfoq. Mela kulħadd ħass l-għajnuna mqassma mill-Gvern. Kellu raġun Dr Fearne jirribatti din il-kritika ta’ Dr Bernard Grech meta qal l-alternattiva għall-għajnuniet li qassam il-Gvern, kienet tkun telf ta’ impjiegi, faqar, mard u mwiet. Fearne kompla jgħid li dik ma kienetx l-aġenda tal-Gvern tiegħu. Għal Gvern kienu importanti s-saħħa, ix-xogħol u li l-popolu jibqa’ jgħix kemm jista’ jkun kif kien jgħix qabel il-pandemija. Fearne kompla jgħid li d-defiċit irriżulta għax il-Gvern għamel ħiltu biex il-poplu jibqa’ jkollu dawk il-prijoritajiet. U huwa minħabba f’hekk id-defiċit ta’ din is-sena se jkun għoli.