Għaliex Christian Peregin qed jagħmel aktar ħsara milli ġid lill-Partit Nazzjonalista?

Il-fissazzjoni li Lovin Malta għandha kontra Adrian Delia tant saret pwerili li tqabbdek id-daħq. Biex Lovin Malta joqgħodu jistennew u jirrappurtaw x’qal tal-ONE news u jieħdu aħbar minn tagħhom u jibnu fuqha storja Nazzjonali kontra Adrian Delia turi l-livell ta’ ġurnaliżmu li nieżlu fih. Hawn qed nitkellem għall-kummenti li ta Ċensu Borg, magħruf bħala Ċensu l-Iswed lil One News dwar il-budget.

Waqt li wieħed jista’ jgħid li Lovin Malta għandha d-dritt xxandar li trid, hu fatt magħruf li l-istrateġista ewlieni tal-PN , Chrisian Peregin għandu l-ikbar shares f’dan id-digital portal li għadu ma żvestix ruħu minnhom. Mela dan li ser jikteb minn Lovin Malta kontra Adrian Delia bilfors ser jitfa’ dell ikrah fuqu. Jekk xi ħadd jaħseb li artikli bħala dawn jistgħu jintużaw biex issir ħsara lil Adrian Delia sejjer żball. L-ikbar ħsara qed issir lill-Partit Nazzjonalista. Strateġista jrid jaħdem għall-għaqda u ma jistax ikollu l-ebda dell li hu konness ma’ xi ġurnal li għandu gargarella għal Adrian Delia. Dan jagħmel ħsara lill-Partit Nazzjonalista u finalment lill-istess strateġista għax ser jispiċċa jġib telfa ikbar lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni li ġejja.

Trid verament tkun iffissat li kull darba li jkun hemm l-iċken possibilita’ li jiġi attakkaw Dr Adrian Delia, arahom tal-Lovin Malta jaħtfu l-okkażżjoni biex jagħmluha. Fil-Malti hemm espressjoni li aħjar ma ngħiduhiex marbuta mal-fatt li taqta’ x’imkien minn ġismek biex tinki lill-ħaddiehor meta fil-verita’ tkun qed tinki lilek innifsek.

Il-mistoqsija tiġi waħidha. Sa hawn jasal il-livell ta’ strateġija fil-Partit Nazzjonalista? Dan ikompli juri li strateġisti ma jistgħux ikunu assoċjati ma’ portals u aktar meta dan ikun portal li jiftaħar li huwa l-aktar wieħed li jżuruha n-nies biex jaraw vlogs tiegħu.

Biss ikolli ngħid prosit lil Ċensu Borg li tant kienu tajbin it-tweġibiet li ta lill-ONE News, li Lovin Malta spiċċat iddedikat artiklu sħiħ għalihom.

Imma l-iktar importanti għal Lovin Malta ma kienetx x’qal il-persuna, li għandu kull dritt jgħid li jrid, u jikkummenta, bħal kull ċittadin Malti kif laqgħtu l-budget, imma li huwa ħabib jew canvasser ta’ Adrian Delia.

Dan juri fatt wieħed. Il-Partit Nazzjonalista għadu jfittex kull okkażżjoni biex jagħmel ħsara lil Dr Delia. Għadhom ifittxu kull okkażżjoni biex iżeffnu lil Dr Delia, li llum ma fadallux pożizzjoni għolja fil-Partit Nazzjonalista imma huwa sempliċi deputat. Dr Delia hu deputat u kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja u qed jagħmel dmiru billi jdur il-kostitwenti fuq iż-żewġ distretti li se joħroġ fuqhom.

Imma le, Lovin Malta anke din iddejjaqhom. Tant hu hekk li qed jagħmlu ħilithom biex jibqgħu joskuraw lil Dr Delia bi kwalunkwe mezz possibbli u f’kull okkażżjoni li jkollhom. La tkellmet din il-persuna, li minn dejjem kienet viċin ta’ Dr Delia, u kull mexxej li kien hemm qablu fil-Partit Nazzjonalista, mela ġie ċans ieħor biex ikun attakkat Dr Delia.

Ma nistax nifhem kif għax tkun viċin ta’ politiku, fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni, ma tistax tesprimi l-opinjoni tiegħek fuq budget li jolqot lil diversi persuni fis-soċjeta Maltija. Biss b’li qed jagħmlu jistgħu jagħmlu ftit ħsara lil Adrian Delia, imma l-ikbar ħsara, kif għidt fuq, qed jagħmluha lill-Partit Nazzjonalista, għax qed jissuggraw li ħafna Nazzjonalisti ta’ Delia, li qegħdin fuq distretti li Delia mhux ħiereġ fuqu – ma jivvutawx fl-elezzjoni li ġejja jew jivvutaw Labour.

Din l-istrateġija ser twassal biex tkabbar ir-rebħa ta’ Robert Abela u tkabbar l-umiljazzjoni tat-telfa lil Bernard Grech u magħha lill-istrateġisti mħallsa l-belli liri tiegħu. Imma dawn mingħalihom li jifhmu ħafna u b’li qed jagħmlu qed ikabbru biss it-telfa elettorali għall-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply