Kif il-gazzetti laqgħu l-Budget

Advertisements

Blogpost minn osservatur politiku

L-għada tal-budget tipprova taqra ħalli tifhem aħjar dak li jkun intqal u dak li jkun ġie mogħti. Imma jolqtuk ukoll, għax huma indikattivi ħafna, il-ftit kliem li kull gazzetta tuża biex tiddefenixxi l-budget. L-għada tal-budget ħarġu ħames gazzetti u kollha b’titli differenti. Tinduna mill-ewwel l-andament kif ikun mar, għax meta taqra erba’ titli pjuttost pożittivi, tifhem mill-ewwel li l-budget kien meqjuż bħala wieħed pożittiv.

The Times iddiskriviet il-budget b’dan il-mod: ‘Social budget lays ground for election’. Il-gazzetta qalet li l-inċentivi mresqa fil-budget se jaslu biex jippromwovu miżuri soċjali u ambjentali. Flimkien mal-ispinta mogħtija lix-xogħol sarfu l-karatteristiċi prinċipali tal-Budget 2022.

The Malta Independent introduċiet il-budget b’dan il-mod: ‘Striking a balance between the environment and economic growth’. Din il-gazzetta kompliet tanalizza l-budget billi elenkat b’mod estensiv ħafna l-lista kollha ta’ affarijiet li kellhom xejra pożittiva lejn il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Malta Today laqgħet il-budget b’dan il-mod: Labour’s social budget but Abela toys with PN over election plans. Il-gazzetta qalet li kien hemm qbil ġenerali minn ħafna msieħba soċjali dwar il-budget tal-2022 minħabba il-miżuri soċjali u effettivi. Kien hemm ukoll miżuri oħra pożittivi u bħala eżempju mill-ewwel semmiet it-trasport pubbliku li se jkun b’xejn fi żmien sena.

Il-gazzetta L-Orizzont sejħet dan il-budget bħala Budget B’saħħtu u Ġust. Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Budget 2022, il-General Workers’ Union tqis dan il-budget bħala wieħed soċjalment kuraġġuż li se jkompli jibni fuq il-qafas soċjali ta’ budgets imgħoddija.

Fl-aħħar u mhux l-inqas kellna l-gazzetta In-Nazzjon li laqqmet il-budget bħala Baġit Għal-Lum Biss. L-Oppożizzjoni kompliet tikkritika l-budget għax ma fih ebda strateġija, ebda sens ta’ direzzjoni u ebda viżjoni. Iddeskrivitu wkoll bħala budget bla kredibiltà, b’defiċit id-doppju ta’ dak previst. Attakk ieħor kien li l-budget qed juri li d-dejn enormi tal-pajjiż mhuwiex kawża tal-Covid imma frott il-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ direzzjoni. Qalet ukoll li l-budget ma għandu ebda inizjattiva biex jitrażżan l-għoli tal-ħajja b’żidiet li żgur mhumiex biżżejjed. Saħħqet ukoll li l-budget ma fih ebda viżjoni dwar l-ambjent ħlief miżuri li kostrett iwettaq biex juża l-fondi Ewropej.

Ħafna diskors u kitba oħra tasal biex issejħila superfluha. Dan għaliex l-unika gazzetta li kkritikat dan il-budget kienet biss In-Nazzjon. Minn hemm biss tinduna li dan il-budget tas-sena d-dieħla fih ħafna affarijiet tajbin. Tinduna wkoll li meta jitfajru l-kummenti kritiċi u jkunu fuq livell ġenerali jfisser li l-budget hu wieħed tajjeb. Ifisser ukoll li d-dettalji mogħtija huma ta’ importanza ħafna akbar mill-kif qed tarahom l-Oppożizzjoni.

Huwa diffiċli biex tifhem li la hemm miżuri li se jolqtu tajjeb diversi saffi tal-poplu kollu, dawn għandhom jissemmew minn kulħadd. Wara li telenka t-tajjeb tkun tista’ tibda tfittex dettalji oħra fejn tista’ tikkritika. Imma ma tistax tfittex biss in-negattiv u tippretendi li tkun emmnut.