Where your opinion counts

ĦARSA LURA: Għaliex reġa’ tilef il-Partit Nazzjonalista f’Ġunju 2017? It-tieni parti

Blog post minn Dr. Hermann Farrugia

Loġikament ma tistax titkompla Analiżi/‘Follow-Up’ wara 100 Xahar mill-Pubblikazzjoni tar-Rapport ‘Ann Fenech’ ta’ Mejju’13 mingħajr ma jibqgħu jinflew x’kienu r-ruxxmata nuqqasijiet u anomaliji ipperċeputi f’dak il-perjodu post-elettorali kiefer. Difetti strutturali u mankanzi strateġiċi serji li anke minn bosta snin qabel l-2013 kienu ġia’ jwerżqu għal eżerċizzji korrettivi fejjieda.

Dan l-isforz riparattiv kien mistenni jibda iseħħ immedjatament u s’issa tmien snin u nofs wara, suppost immaterjalizza gradatament u b’tali konkretezza li llum kellu ġia’ beda jidher il-frott mistenni. Issa jekk dan kollu seħħx jew le u kemm id-dinamika ġdida ġġenerata laħqitx il-livelli effettivi mixtieqa ser nikkummentah fil-tielet u raba’ parti li ser isegwu fil-jiem li ġejjin. F’dit-tieni taqsima nibda’ nelenka fejn, kif u għaliex inħoss li l-Partit Nazzjonalista ma laħaq irreġistra ebda avvanz sostanzjali fl-appoġġ popolari fl-elezzjonijiet sussegwenti wara l-2013.

a) Ħaġa naturali li minnufih tnheda fokus fuq l-andament elettorali fl-inkontri preċedenti tal-votazzjoni għall-parlament ewropew. Hemm min iqabbel is-sinifikat ta’ dawn ir-riżultati li jiksbu l-partiti mar-rwol ‘ħabbar’ determinanti li kien sewwasew assuma l-Arkanglu Ġabriel. Ix-xejra tal-‘performance’ elettorali f’dawn l-elezzjonijiet għadha mitqiesa mhux biss indikattiva iżda tabilħaqq premonitorja għal dik tal-elezzjoni ġenerali li suppost issegwi mat-tletin xahar wara. Hawnhekk propizju naċċenna għall-fatt li kien inħass bħala żball strateġiku kważi indiskutibbli meta (lejn tmiem l-2011) Dr Simon Busuttil kien intalab lura mill-Parlament Ewropew kmieni wisq fil-karriera politika tiegħu fejn kien ġie ri-elett b’mod nazzjonali mastiċċ sabiex jerġa’ iservi fl-Ewropa. Liema impenn kontinwu kien dik il-ħabta jiġi apprezzat u anke imfaħħar minn sezzjoni vasta tal-elettorat.

Paradossalment f’Malta, jekk il-kontribut tiegħu pre-elettorali ’13 kien ikkunsidrat indispensabbli għall-fini immedjata tal-partit, dan allura kellu jintalab mill-bidu ta’ dik il-legislatura delikata. Minflok, Dr Busuttil spiċċa jagħti sehmu lokalment f’tarfha meta kien inqala’ l-għawġ kollu immaġinabbli għall-Gvern Nazzjonalista u fejn ġia’ kien ċar li Busuttil kien qiegħed jaqdef fil-vojt u tard wisq. Għalhekk jibqa’ inċert  kemm l-istatus intern u l-integrita’ funzjonali effettiva tal-partit tabilħaqq iggwadanjaw mit-tluq prekoċi ta’ Busuttil mill-Parlament Ewropew. Deċiżjoni indubitament infeliċi li fiha nnifisha tellfet l-effikaċja tat-tandem Busuttil/Casa li sa’ dik il-ħabta kienet tidher formidabbilment prevalenti f’ħidmithom favur il-Poplu Malti fl-Ewropa.

Fl-ambitu tal-Parlament Ewropew irid madankollu ukoll jingħad li d-dirigenza ġdida tal-Partit Nazzjonalista, allura taħt il-kap il-ġdid Simon Busuttil, kienet immedjatament meddet rasha u idejha għax-xogħol sabiex laħqet tħejjiet kampanja rispettabbli għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej ’14 u l-inkontri tal-Kunsilli Lokali u t-tnejn abbinati bl-għajta effettiva: ’Malta Aħjar’!

Biss, kif tiftakru, l-istorja elettorali kienet reġgħet ma ħamlitx!

b) Fir-Rapport tat-Telfa ’13 kien indikat iswed fuq l-abjad kemm kienet qalila u kiefra l-perċezzjoni ta’ esklużjoni li kienet tinħass fil-partit b’mod speċjali fost l-għeruq ta’ eta’ aktar avvanzata. Il-Bord kien irċieva ammont kbir ta’ kummenti ta’ dissodisfazzjon, ta’ tgergir u anke ta’ dieqa minn tesserati-attivisti ta’ esperjenza fil-politika u anke ta’ familjarita’ fil-ħidma tal-partit li kienu ħassewhom ingratament injorati u saħansitra inġustament imwarrba mid-dirigenza interna tal-partit. Dan sabiex ġew milqugħa u aġevolati nies ġodda (wħud kanvassers/galoppini ta’ xi ministri-deputati partikolarment influwenti) li ħesrem tfaċċaw minn barra  sempliċement għax kienet riesqa elezzjoni. Filwaqt li huwa san u dejjem għaqli li l-mekkaniżmu tal-partit ikun miftuħ u anzi jasal irawwem ideat u kunċetti ġodda kif ukoll ‘outlooks’ differenti, ma kien assolutament f’waqtu xejn li l-agir imponenti sfaċċat ta’ dawn ċertu ‘opportunisti’ kien spiċċa naffar l-entużjażmu ta’ partitarji ddedikati u ġenwini.

F’dan l-istess ton, kienu saru ilmenti sinċiera fis-sens li regolarment, anke bħala stat ta’ rutina u okkorrenza aċċettata jekk mhux ukoll awtorizzata’, kienet tintuża proċedura ta’ block-voting fl-għażla tal-membri eletti fil-kumitati sezzjonali. Din l-użanza kienu minn dejjem jirrikorru għaliha xi deputati jew kandidati sabiex jiżguraw li n-nies tat-tims partikulari tagħhom ikunu u jibqgħu fit-tmexxija effettiva tas-sezzjonijiet permezz tal-preżenza massiċċa fil-kumitati tal-lokalitajiet li jiffurmaw il-kostitwenza distrettwali rispettiva taghhom.

Kien għalhekk aċċennat kif dan il-proċess anomalu daqs kemm kien (u għadu) sfortunat, kien qiegħed iħalli effett negattiv immens fuq ir-rwol u l-effikaċja tal-Kumitati Sezzjonali/Distrettwali. Ir-riżultat kien li ruxxmata tesserati-membri ‘indipendenti’ li kienu jixtiequ jikkontribwixxu b’impenn sfiq u awtonomu minn kull influwenza kienu spiċċaw iħossuhom jaqtgħu qalbhom li qatt setgħu jiġu eletti. Għadu jingħad illum kif għexieren sħaħ irrappurtaw b’mod ċar li kienu ħassewhom iddemoralizzati, diżillużi u saħansitra ittraduti u għalhekk spiċċaw tbiegħdu mill-Partit Nazzjonalista.

Din il-proċedura selettiva ta’ block-voting (għalkemm fattwalment ilha tintuża minn żmien żemżem fis-sessjonijiet statutorji tal-Kunsill Ġenerali għall-elezzjoni tal-membri tal-esekuttiv u anke tal-fergħat), tinħass kodarda, anti-demokratika u tasal tipprovoka diżgwid u firda fil-qalba tal-kostitwenzi elettorali. Sfortunatament, minkejja t-twissijiet kollha propizji, baqgħet egoistikament lampanti sal-ġurnata tal-lum.

c) Fost il-kummenti l-aktar raġjunati u realistiċi li kienu saru wara l-inkontru elettorali ta’ Marzu ’13 spikkaw sensiela li nnotaw kif wieħed mill-intoppi l-aktar krudil li gradatament beda jinfileġ bih il-Partit Nazzjonalista mill-2008 ‘l hawn kienet id-diffikulta’ serja li kien għaddej minnha sabiex ifittex, isib u jivvalida pool ta’ kandidati ġodda ta’ ċertu kalibru professjonali kif ukoll b’kwalita’ ta’ tħejjija politika u preparazzjoni għall-kandidatura adegwati. Dan b’kuntrast għall-partit avversarju li b’mod sodisfaċenti u tul perjodu aċċettabbli kien ġia’ rnexxielu iġedded u jirreġuvina s-sezzjoni kandidati tiegħu kemm għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali kif ukoll dawk ġenerali. Mela, filwaqt li minħabba t-telf jew ‘wastage’ naturali u anke l-prospetti ta’ impieġi aktar stabbli u mħallsa aħjar, il-Partit Nazzjonalista kien beda jġarrab in-nuqqas tal-ifjen irġiel, nisa u żgħażagħ minn ħdanu, ma kienx qiegħed f’pożizzjoni li jagħmel tajjeb għal dan it-telf billi jigbed lejh individwi ‘ta’ stoffa’ li ikunu igawdu ċertu appoġġ popolari fid-diversi bliet u rħula fejn l-aktar li l-partit kien elettoralment batut.

Dan kien u għadu jikkorrespondi man-nuqqas demografiku ta’ kandidati ġodda mir-reġjuni  tan-Nofsinhar u mix-Xlokk ta’ Malta. Din ix-xejra kienet u għadha kuntrarja  għat-trend tal-kandidaturi Nazzjonalisti fl-imgħoddi mhux imbiegħed. Preżentement qajla għandu xorti l-Partit Nazzjonalista li jkun f’sitwazzjoni li javviċina lil u jirreġistra l-aċċettazzjoni ta’ professjonisti stabbiliti. Persuni li minħabba l-pożizzjoni tagħhom jokkupaw rwoli ta’ servizz personaliżżat f’qafas familjarju sod u li għalhekk igawdu vantaġġ popolari indiskutibbli tul il-famuż jum tal-votazzjoni.

Din l-osservazzjoni tikkuntrasta qatigħ mal-esperjenza pjuttost aktar feliċi tal-Partit Laburista tul dan l-aħħar deċennju. Perjodu strateġiku kritiku fejn, akkost kull difett serju ieħor li tabilħaqq kellu, il-Labour irnexxilu jissupera bi spirtu unit ta’ ħeġġa u konvinzjoni bl-għażla ta’ ċertu individwi midħla sew tal-elettorat. Hawn insemmi lit-tobba tal-familja u individwi f’oqsma ta’ support u kura soċjo-medika ta’ esperjenza… anke jekk l-influwenza ta’ dawn in-nies fuq l-ewwel preferenza li jindikaw l-eletturi Maltin u Għawdxin fuq il-karta tal-vot tagħhom jidher li naturalment iddgħajfet sew mal-medda taż-żmien.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *