In-NET ma rrapporta xejn dwar il-kuraġġ li wrew numru ta’ Kunsilliera Nazzjonalisti li sfidaw l-amministrazzjoni tal-partit

Blog post minn osservatur politiku

Inkredibbli kif l-aħbarijet tan-NET ma semmew xejn dwar id-disfatta enormi li ħa l-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tar-reġjuni li saru s-Sibt 9 ta’ Ottubru, 2021. Ma nifhimx kif Chris Peregin jista’ jgħid li, “party station Net TV was making more of an effort to provide fair and impartial news and analysis than TVM”. Kif jista’ jkun imparzjali u ma jsemmix dak li ġara fl-elezzjonijiet reġjonali? B’attitudni bħal dik jista’ xi ħadd jemmen li n-NET qed jagħmel sforz biex jagħti analiżi iktar profonda minn TVM? Infakkar li l-erbgħa li għaddiet saret laqgħa tal-kunsilliera kollha Nazzjonalisti mill-Amministrazzjoni tal-Partit fejn ġew mitluba biex jivvutaw lill-kandidati li kien qed jipproponilhom l-istess partit.

Is-Sibt li għadda ma kienetx ġurnata elettoralment tajba għal Partit Nazzjonalista. Ma kienetx ġurnata li tista’ tiftaħar biha. Ir-riżultati miksuba huma tal-mistħija meta tikkonsidra li minn sitt reġjuni, l-Partit Nazzjonalista żamm wieħed biss. U jkollok tgħid li dan żammu għax l-innominat ma ġiex kontestat. Kieku l-Partit Laburista laħqu rrealizzaw kemm kunsilliera Nazzjonalisti kienu lesti li jaqilbu l-vot tagħhom, naħseb li kienu jikkontestaw dak ir-reġjun ukoll.

F’dawn l-elezzjonijiet il-Partit Nazzjonalista ħa tbeżbiża tajba. Dawn l-elezzjonijiet bagħtu messaġġ lill-partit li anke r-rappreżentanti tiegħu waslu biex ċaħdu lill-partit tagħhom stess. Jekk dan mhux sinjal ċar li mhux kollox għaddej kif wieħed jistenna lejlet elezzjoni ġenerali, ma nafx kif ikunu l-messaġġi. Din kienet tbeżbiża mir-rappreżentanti tal-poplu stess. F’dawn l-elezzjonijiet ivvutaw kunsilliera li qiegħdin hemm bil-vot tal-poplu. Dawn huma nies li resqu għall-ġudizzju tal-votant f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Għaddew numru ta’ siegħat u ma kien hemm ebda kumment mill-Partit Nazzjonalista. Lanqas fl-aħbarijiet ma semmew xejn. X’sinjal qed jibgħatu b’din l-attitudni? Lesti li jitfgħu dawn ir-riżultati taħt it-tapit u ma jagħtux każ għal dak li ġara nhar is-Sibt. Lesti jinjoraw is-sinjali mibgħuta f’dawn l-elezzjonijiet? Possibbli se jibqgħu għaddejjin qisu ma ġara xejn? Jistgħu jibqgħu siekta u ma jirreaġixxux daqs li kieku ma ħadux tkaxkira imperdonabbli?

Ħadd mill-irjus il-kbar ma lissen ebda kelma. Dan ir-riżultat mhux ta’ xi survey li nsejħulu ritratt tal-ġurnata. Dan huwa riżultat li se jibqa’ mwaħħal mal-Partit Nazzjonalista għal ħames snin sħaħ. It-telf li ġarrab il-Partit Nazzjonalista ma jistax jinbidel jew jirranġa xahar ieħor bħal ma jagħmlu s-surveys. Dan huwa ritratt fattwali li l-affarijiet m’humiex sbieħ xejn fil-Partit Nazzjonalista. Jekk dan ir-riżultat wera telfa enormi minn rappreżentanti stess tal-partit li ċaħdu lill-partit tagħhom, x’se jiġri meta tasal l-elezzjoni ġenerali? Jekk l-elezzjoni ġenerali tirrifletti dan ir-riżultat reġjonali, l-Partit Nazzjonalista jissogra diżintegrazzjoni sħiħa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *