Id-diskors tal-bieraħ ta’ Bernard Grech:

Blog post minn osservatur politiku

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fetaħ id-diskors tiegħu tal-bieraħ il-Ħadd b’dan il-kliem:

Qabel xejn, ippermettuli nirringrazzjakom li minkejja l-maltemp illum ġejtu hawn ġewwa d-dar tagħna bi ħġarkom. Dak huwa n-Nazzjonalist illi minkejja dak kollu illi jitfgħulna ma’ wiċċna aħna nibqgħu reżiljenti, aħna nibqgħu mixjin ‘l quddiem, aħna nibqgħu konvinti, aħna nibqgħu determinati għaliex dak illi aħna nkunu qegħdin nitkellmu, dak illi aħna nkunu qegħdin nippjanaw u niddiskutu aħna nemmnu fih. U għax nemmnu fih nibqgħu naħdmu għalih lejl u nhar bi ħġarkom“.

Ma tkunx qed tara, mill-ewwel taħseb li hemm xi ruxmata nies fis-sala tad-Dar Ċentrali bil-gallarija mimlija u jibqgħu ħerġin anke fil-foyer. Imma meta tara n-nies preżenti, tinduna li Dr Grech kien qed jindirizza ftit nies bil-qiegħda fil-foyer tal-Partit, li meta wieħed ikun mar xi darba f’dan il-foyer mill-ewwel jinduna li ma hux xi post fejn jiflaħ numru kbir ta’ nies.

Imma għal Dr Grech in-Nazzjonalisti, marru bi ħġarhom. Possibbli kellu xi speech lest u lanqas l-erba’ kelmiet tal-bidu ma bidel u adattahom għan-numru ta’ nies li kellu quddiemu. Imbagħad qal

dak huwa n-Nazzjonalist”.

U dan qalu għax marru ftit nies li ma qatgħux qalbhom mill-ftit maltemp li tfaċċa l-Ħadd filgħodu. Għandu raġun jgħid hekk għax dan huwa kap li ma jafx xi tfisser tkun Nazzjonalist li ma taqta’ qalbek minn xejn.

Nies bħali li għixna is-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, esperjenza xi tfisser tkun veru Nazzjonalist, Fejn kien dan il-bniedem meta n-Nazzjonalisti mlew daqstant pjazzez u toroq madwar Malta kull darba li għajtulna l-kapijiet tal-partit? Fejn kien meta soffrejna l-gas tad-dmugħ, meta sparaw fuqna, meta sawtuna, meta tefgħulna x-xfafar, meta ħarġu l-lembubi għalina? Kif tista’ tkun taf xi tfisser tkun Nazzjonalist meta int qatt ma attendejt u ma ġarrabtx il-qilla tal-oppressjoni fuqna?

Kompla jgħid li “minkejja dak li jitfgħulna ma’ wiċċna”: għax tfaċċa survey, dak li tefgħulek ma wiċċek. Għax lejliet il-Partit Nazzjonalista qala’ l-ikbar tkaxkira fil-Kunsilli Lokali, fl-elezzjonijiet reġjonali. Dawn huma l-affarijiet li tefgħulek ma’ wiċċek. Dawn huma affarijiet li ġibthom b’idejk.

Dan huma grazzi għall-politika ħażina adottata mill-partit li bħalissa qed tmexxi int. Il-partit qatt ma tilef b’dak il-mod fl-elezzjonijiet reġjonali. Il-partit qatt ma kellu surveys daqstant ħżiena, meta, kif qed tgħid int, għandek lil kulħadd magħqud warajk. Qatt ma ġarrab dawn it-telfiet fuq livell lokali kemm ilhom isiru l-elezzjonijiet reġjonali. Imbagħad kompla fl-ewwel sentenzi tiegħu li huma reżiljenti, mexjin ‘l quddiem, konvinti, determinati u jemmnu f’dak li qed jagħmlu.

Dr Grech possibbli tista’ tgħid dawn l-affarijiet meta s-survey tal-istess ġurnata poġġa lill-partit tiegħek 50,000 vot minn taħt. Tista’ tipprova tirrealizza li dak li qed tagħmel int, il-poplu ma jridx jaf bih. Tista’ ddaħħalha f’rasek li għalkemm qed tpaċpaċ ħafna, il-poplu barra mid-Dar Ċentrali ħadd ma hu qed jagħti kasek, ħadd ma hu qed jemmnek, ħadd ma hu qed jappoġġjak.

Fejn qed tasal billi qed taħdem lejl u nhar? Ir-riżultati tal-elezzjonijiet reġjonali u n-numri fis-survey juru eżatt bil-maqlub. In-numri qed jgħidulek ċar li m’intix emmnut, li l-kemistrija tiegħek mal-poplu ma hiex qed taħdem, li kliemek mhux qed jintgħoġob, li d-diskors tiegħek mhux qed ikun emmnut, li l-proposti li qed tagħmel ma huma qed jwasslu għal xejn.

Dr Grech għamel eżami tal-kuxjenza, biddel l-istrateġija, ħabbel moħħok u pprova ifhem li n-nies ta’ madwarek, għalkemm b’ħafna pożi u b’ħafna pagi, mhux qed jgħinuk tavvanza, l-politika mħaddna bħalissa mill-esponenti tal-partit ma hiex qed tagħti frott.

Għal kuntrarju, xahar wara xahar, il-poplu qed jibgħat messaġġ li ma jridux jafu bil-politika diviżiva u mfarrka li qed iħaddan bħalissa l-Partit Nazzjonalista. Għall-votant hemm barra, il-Partit Nazzjonalista mhux preparat biex jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh. Il-poplu mhux lest li jafda l-Gvern f’idejn Bernard Grech u l-klikka ta’ madwaru.

Leave a Reply