Dan is-sit jerġa’ jingħata raġun: l-argument tal-korruzzjoni m’hu qed iwassal lill-PN imkien.
Blog post minn osservatur politiku
Dan il-partit suppost glorjuż meta se jitgħallem? Ir-rapport tal-2013 kien qal b’mod ċar biex jinqatgħu l-attakki fuq il-Gvern fuq il-misħuta korruzzjoni. Imma dak ir-rapport u ħafna surveys li ġew wara, esprimew il-ħsieb tal-poplu u għamluha ċara li l-korruzzjoni huwa argument li ftit ireġġi.
Per-eżempju fis-survey tal-bieraħ, huma 7.3% li jagħtu l-importanza lill-korruzzjoni. Id-diskors kollu li qed jintqal fuq il-korruzzjoni żgur li mhux jattira votanti ġodda lejn il-Partit Nazzjonalista. Lanqas qed iżomm votanti li għandhom simpatija tal-partit. Allura hemm bżonn li dik id-diska titwarrab għal kollox għax mhux qed tkun ta’ għajnuna.
Fl-eqqel tal-korruzzjoni, il-Partit Nazzjonalista kien għamel ġlieda kbira. U x’ħa? Ħa tkaxkira ikbar minn ta’ qabilha. Bejn l-2013 u l-2017, il-korruzzjoni kienet l-arma prinċipali ta’ Simon Busuttil u sħabu. Il-Partit ma wasal imkien biha. Allura kif anke llum qed niffukaw fuq tgħajjir fuq il-korruzzjoni?
L-argument tal-korruzzjoni ġie użat u ma rriżulta xejn minnu. Inutli jinbidel il-kap, inutli jinbidlu n-nies ta’ madwaru, jekk it-tema tibqa’ l-istess. Mela hemm bżonn li jitwarrab għal kollox dan l-argument tal-korruzzjoni għax ma ġabx riżultati. Il-Partit Nazzjonalista diġa’ għadda minn argumenti sħan wara li fl-2019 tilef l-elezzjoni tal-Ewropa b’distakk kbir u dak in-nhar l-argument tal-korruzzjoni ma tantx kien fuq quddiem. Dak in-nhar ħafna kkritikaw lit-tmexxija, li kienet ġiet akkużata li kienet ħaġa waħda mal-Partit Laburista u kienet fl-ixkora tagħhom, dan kollu għax ibbażaw il-kampanja elettorali fuq argumenti lil hinn mill-korruzzjoni. Allura jekk dawk l-argumenti kienu irrelevanti fl-2019, għalfejn għadhom jintużaw illum fl-2021?
Iż-żmien għaddej, il-korruzzjoni għadha fuq ħalq ħafna mill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista u n-numri fis-surveys dejjem sejrin għall-agħar, meta suppost qed jidher xaqq dawl għax l-elezzjoni qiegħda tassew wara l-bieb. Min għadu jargumenta fuq il-korruzzjoni huwa għadu tiegħu nnifsu u tal-Partit li jippreżenta.
Is-survey ta’ Ottubru wera biċ-ċar li l-għajta tal-korruzzjoni żgarrat u nutli jinbidlu n-nies li jippriedkawha għax l-għajta baqgħet l-istess. Jekk se jibqa’ jippriedka fuq għajta mġenġla għal kollox, il-Partit Nazzjonalista jkompli juri li qed jgħix illużżjoni, qed jippriedka tamiet foloz.
Niftakru qisu l-bieraħ meta fl-2017 kellna kap li kien jgħidlna li qiegħdin ras imb’ras. Kien iħambaq li se nirbħu b’erba’ t’elef vot. Eżatt kien qatagħha dak in-nhar! U llum, lejlet elezzjoni, is-survey qed jgħidilna li teżisti possibilita’ li l-Partit Nazzjonalista jitlef b’16 il-punt jiġifieri b’50,000 vot. U l-aktar ħaġa nkwetanti hija li 2.1% ta dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017, qed jgħidu llum li se jivvutaw lill-Partit Laburista.
Din hija turija ċara li l-Partit Nazzjonalista għandu diffikulta kbira biex jikkonvinċi lin-nies tiegħu aħseb u ara kemm se jikkonvinċi lill-votanti li vvutaw differenti. Mela r-riżultat li kien hemm fl-elezzjonijiet reġjonali qed jimxi id f’id ma dak li qed jgħid is-survey ġurnata wara.
