Huwa tal-mistħija li l-Partit Nazzjonalista jaċċetta li l-istrateġista tiegħu jkompli bil-kawża kontra n-NET

Blog post minn osservatur politiku

La għandi l-barka nista’ nagħmel li rrid. Hekk qal lil Malta Today, Chris Peregin. Dan il-bniedem tela’ l-qorti biex ikompli l-kawża li hu, flimkien ma’ tnejn oħra, f’isem Lovin Malta, fetaħ kontra iż-żewġ partiti politiċi dwar imparzjalita kostituzzjonali fix-xandir. Qal li għandu l-barka ta’ Bernard Grech u allura jista’ jkompli bil-kawża.

Irridu niftakru li għalkemm Peregin qal li qed jipprova jeħles mill-isħma li huwa għandu f’Lovin Malta, dan għadu ma għamlux u f’dan il-każ hu għadu s-sid prinċipali ta’ Lovin Malta, minħabba li hu għandu l-ikbar ammont ta’ isħma fil-kumpanija.

Ta’ min ifakkar ukoll li dan is-sit tella’ artiklu fejn qal li Chris Peregin qed jitlob is-somma ta’ miljun euro għall-isħma tiegħu f’Lovin Malta. Ma tidhirx li kien hemm ċaħda ta’ din l-aħbar u allura neħduha li hija aħbar veritiera. B’ammonti bħal dawk wieħed jibda’ biex jifhem li Peregin ma tantx jidher li għandu ħerqa biex jeħles mill-isħma tiegħu. Forsi qed iħares ‘l quddiem għal meta jispiċċa jaħdem mal-Partit Nazzjonalista, li tista’ tavvela ruħha fi żmien ftit ġimgħat oħra.

Imma meta mistoqsi minn Malta Today, Peregin qal li d-deċiżżjoni li jibqa’ jidher f’isem Lovin Malta fil-kawża kostituzzjonali għandha l-barka tal-imgħallem tiegħu bħalissa, Dr Bernard Grech. Ma nifhimx kif deċiżżjoni bħal din tista’ tittieħed minn persuna waħda, allavolja hu l-kap. Il-partit mhux ta’ Bernard Grech.

It-tesserati selfu l-partit lil Bernard Grech għal żmien temporanju. Ma tidhirx tagħmel sens, li l-kap tal-partit jagħti l-barka għall-parteċipazzjoni f’kawża kostituzzjonali li qed jagħmel impjegat tal-partit, kontra l-istess Partit. Hija kawża kontra l-Partit Nazzjonalista u ma jinteressax lit-tesserati d-dettal ta’ x’inhi u x’ma hiex.

Il-kawża minnha nfiha tista’ tagħmel ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Għax Peregin ġabha żewġ u jista’ jibqa’ jiġġieled kawża kontra l-partit li qed ipoġġielu l-ikel fuq il-mejda, rama jfaħħar lil Dr Bernard Grech u jgħidlu li hu persuna b’moħħ miftuħ u jfittex soluzzjoni anke meta r-realta’ qed tidher li hi sensittiva ħafna.

Nerġa’ nirrepeti, il-kawża kontra l-Partit u allura ma nifhimx kif il-Kap tal-Partit jista’ jagħti permess, li persuna li taħdem fil-qrib ħafna tiegħu kuljum, tkun involuta f’kawża kostituzzjonali kontra l-partit. Ara l-argument ta’ Peregin fejn qed iwasslu.

Għax daħal hu mal-Partit Nazzjonalista qal, li l-partit qed jagħmel sforzi ikbar biex ikun imparzjali fl-aħbarijiet u fl-analiżi tal-aħbar. Fil-fatt kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista qed ikun ħafna iktar analitiku u imparzjali mix-xandir tal-iStat.

Isma’ dejjem, emmen jekk trid. Għax kif jista’ jkun stazzjon ta’ partit politiku li qed jisfida Gvern, lejlet elezzjoni, ma jagħtix palata lill-partit tiegħu stess? Peregin qed jgħid li hu u Dr Bernard Grech żgur jaqblu li s-sitwazzjoni fix-xandir nazzjonali hija allarmanti u trid tiġi riżolta immedjatament qabel kwalunkwe riforma tal-istazzjonijiet tal-partit.

Dan hu argument li ma jreġġix. Għax taqbel fuq xi ħaġa mal-kap tiegħek ma tagħtikx il-barka biex tmur il-qorti f’kawża kontra l-istess partit li qed taħdem għalih. Jekk hemm ġlieda li trid issir fuq ix-xandir tal-iStat, ma jfissirx li għandek tmur il-qorti jew tibqa’ għaddej b’kawża kontra min qed jagħtik impjieg. Ebda ġlieda kontra l-PBS ma hi se tpoġġielek il-kuxjenza f’posta meta fl-istess ħin tkun qed tattakka lill-familja tiegħek stess.

Leave a Reply