Għaliex wieħed irid jitkellem b’kawtela dwar il-ħabs u jgħid il-fatti kollha? Il-każ tal-ħabsi li qal li jrid jagħmel suwiċidju

Ftit tal-ġimgħat ilu kellna storja dwar il-ħabs. Peppi Azzopardi tkellem dwar telefonata li rċieva mill-ħabs. Biss ma qalx mingħand min irċieviha. Biss dak li qallu dan il-ħabsi ġie mittieħed bħala fatt assolut.

Waqt li sew ġurnalista jagħmel li jitkellem dwar diffikultajiet li jirċievi minn ġewwa l-ħabs, u waqt li hu veru f’dan il-każ, li dan il-ħabsi għandu tendenzi suwiċidali, wieħed irid jinvestiga jekk il-persuna li qed titkellem hix ‘reliable’ jew le meta mbagħad tgħid kif qed ikun stmat fil-ħabs. Inkellha aktar ħsara ssir milli ġid għaliex tkun qed tingħad nofs jew biċċa żgħira ta’ verita’. Dak li nista’ ngħid minn investigazzjoni li għamilt jien dwar din it-telefonata joħroġ li l-awtoritajiet tal-ħabs imxew u qed jimxu sew f’dan il-każ.

Din l-istorja ta’ Peppi Azzopardi spiċċat anki f’artiklu fi Newsbook.

https://newsbook.com.mt/7-xhur-fizolament-peppi-azzopardi-jwissi-dwar-possibilta-ta-aktar-suwicidji-fil-habs/?fbclid=IwAR0bGY2wofaOKU9yjRV8bShYux6_F0RrikcO1urzmo7H80vLJm8-MiHvzyE

Il-persuna li ċempel lil Peppi Azzopardi għandu 15-il każ mal-pulizija. Fuq kollox hu mitqies bħala persuna f’riskju kbir mill-istess tobba u psikjatri. Mela mhux il-ħabs il-problema. Anzi l-ħabs qed jimxu miegħu kif suppost.

Ta’ min ifakkar li kemm ilu l-ħabs, dan ir-raġel kellu ma nafx kemm il-każ ta’ dixxiplina u ma nafx kemm il-ġurnata tilef mit-tnaqqis tas-sentenza li normalment jingħata ħabsi talli ma jġibx ruħu sew. Infurmat li anki għamel ħsara lid-Divizzjoni 2 fejn jinżamm. Għandu kienu nstabu li kellu mobiles kif ukoll instab fuqu li kellu fil-pussess tiegħu sustanzi projbiti jiġifieri droga.

Fuq kollox, din il-persuna belgħet ma nafx kemm-il xafra, cables, pinnijiet, moll tal-ħadid u anki tornaviti. Kien anki ħa overdose ta’ panadols.

Min kien miegħu fil-ħabs qalli li hu jgħid li jisma’ ilħna. Dan ġie kkonfermat minn sorsi oħra għax qaluli li meta kien fl-isptar Monte Carmeli kien f’kamra ta’ “constant watch”. Hu ġieli tkellem li jrid jitgħallaq.

Fuq kollox, kienu l-istess tobba u psikjatri li identifikawh bħala a serious criminal sociopath u jbati b’dak li hu diskritt bħala ‘anti-social personality disorder‘.

Naħseb dak li l-media trid tgħid li dan hu bniedem li għandu fih rabja kbira kontra s-soċjeta, xi ħaġa li ġiet identifikata mill-professjonisti u naħseb li din ir-rabja trid tkun indirizzata anki jekk fil-verita’, wisq nibża’ li ma tantx hemm x’wieħed jista’ jagħmel dwarha.

Dan mhux qed niktbu għax irrid xi ħsara lil dan ir-raġel. Tant li mhux qed inxandar ismu. Biss naħseb li din il-kampanja li għaddejja fil-media kontra l-ħabs trid tieqaf għaliex ser jiġri issa bħal l-istorja tal-lupu. Jkun hemm każ verament li jistħoqq l-attenzjoni tal-media u jispiċċa li ħadd ma jagħti kasu!

Leave a Reply