Chris Said ried lit-tifel tal-eks-Ministru ta’ Għawdex, Anton Tabone, bħala l-President tar-Reġjun ta’ Għawdex

Blog minn osservatur politiku

Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jgħid li qed iberraq biss fuq ix-xefaq. Dan il-maltemp qawwi wasal l-art u ankra kollu fuq Tal-Pieta’, speċifikament fuq id-Dar Ċentrali. Jekk kien hemm l-iċken dubju li l-politika ta’ perswazzjoni u ta’ medjazzjoni li qed jipprova jħaddem Dr Bernard Grech mhux qed taħdem, dak li ġara l-bieraħ qed jagħti tweġiba.

Ir-reġjuni taw damdima tajba lill-Partit Nazzjonalista kemm fir-reġjun tat-tramuntana kif ukoll f’Għawdex. Ftit li xejn jinteressani r-riżultat u n-numri f’dan il-każ. Jinteressani li l-Partit Nazzjonalista tilef 2 reġjuni li dejjem kienu f’idejh. Dan sar għax il-politika tad-dilettanti mhux qed tagħti riżultati. U din il-politika hija mħallsa l-belli liri.

Nieħdu l-eżempju tar-reġjun tat-tramuntana. In-numri juru li numru ta’ kunsilliera Nazzjonalisti vvutaw ir-rappreżentant tal-Labour li huwa persuna kariżmatika. F’dawn l-elezzjonijiet ma tantx għandek fix titfixkel. Il-Partit Laburista għandu 37 kunsillier f’dan ir-reġjun u wieħed ma vvutax. Mela jekk ir-rappreżentant tal-Partit Laburista ġab 41 vot, bil-fors li kien hemm Nazzjonalisti li vvutaw Labour. Biex inkunu iżjed preċiżi, kien hemm 8% li qalbu l-vot minn Nazzjonalist għal Laburist.

X’messaġġ qed jibgħat dan il-vot tal-lum fir-reġjun tat-tramuntana lill-Partit Nazzjonalista? Li l-istess suldati li l-Partit Nazzjonalista għandu jirrappreżentawh fil-irħula u fl-ibliet mhux kollha qegħdin warajh u l-amministrazzjoni mhix kapaċi tmexxi elezzjoni li tinvolvi numru żgħir ta’ nies. Aħseb u ara kemm ser tkun tmexxi elezzjoni ġenerali!

Mela ma jistax il-Partit jorbot fuq l-istrateġija u l-amministrazzjoni li għandu. Fuq kollox irid jibda billi jikkonvinċi lil tiegħu stess. Dan huwa sinjal ċar li meta tintwera l-arroganza man-nies, l-istess nies tiegħek jagħtuk it-tweġiba. Imma l-ikbar messaġġ li qed jintbagħat b’dan ir-riżultat huwa li n-Nazzjonalisti lesti li jaqilbu l-vot.

Ir-reġjun l-ieħor mitluf mill-Partit Nazzjonalista huwa Għawdex. Biex il-partit jaġevola kandidat li jiġi t-tifel ta’ ex-Ministru għal Għawdex, Anton Tabone, għax hekk ried Chris Said, abbanduna bniedem li ilu fil-pożizzjoni għal żmien twil. Anzi ħadem anki kontra tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista wera biċ-ċar li, lil Samuel Azzopardi, ma riedux għax meta kien hemm l-elezzjoni interna biex jintagħżel min se jkun nnominat mill-Partit Nazzjonalista għat-tmexxija ta’ dan ir-reġjun saret pastażata kbira kontra Samuel Azzopardi billi nbiddlu r-regoli tal-votazzjoni.

Fuq kollox, għal din l-elezzjoni interna kienu ħarġu tliet kunsilliera biex jisfidaw lil Samuel Azzopardi u dak in-nhar rebaħ Robert Tabone. Samuel Azzoardi kien jaf li kellu ħafna kunsilliera warajh, għax fit-tmexxija tiegħu dejjem ħaddem l-irġulija u l-ġid għal Għawdex. Fuq dak ir-raġunament ħareġ indipendenti u llum reġa’ zamm it-tmexxija tar-reġjun Għawdxi f’idejh bi tkaxkira fenominali għall-establishment Nazzjonalista.

L-akbar disfatta kienet għal Chris Said. Din hija t-tieni daqqa ta’ ħarta għal Chris Said ġewwa Għawdex. L-ewwel fl-elezzjoni ġenerali meta l-Partit Nazzjonalista tilef il-gżira Għawdxija u issa li tilef ir-reġjun. Il-fatt li Chris Said hu wara Robert Tabone u ħadem kontra Samuel Azzopardi hu kkonfermat mir-ritratt li qed nippubblika ma’ dan l-artiklu. Fir-ritratt jidher Robert Tabone fl-għadd tal-voti. Warajh hemm Edward Said, li jiġi ħu Chris Said.

Dan juri li Tabone kellu il-magna elettorali tal-Partit Nazzjonalista u ta’ Chris Said warajh. Għal darba oħra, din ħarġet telliefa. Donnu l-Partit Nazzjonalista ma jridx jifhem li isem Chris Said sar sinonomu mat-telfiet għall-Partit Nazzjonalista ġewwa Għawdex. Għalkemm Chris Said kien qal fl-esekuttiv li hu mhux se jerġa’ joħroġ għall-elezzjoni, dan xorta tefa’ ismu mingħajr ma kien għadu konfermat mill-esekuttiv.

Hawnhekk għandna eżempju ċar ta’ xi tfisser dak li ilu jintqal f’dan is-sit li jekk il-Partit Nazzjonalista mhux se jibdel il-politika tiegħu, jista’ jqis l-elezzjoni ġenerali mitlufa. L-elezzjoni hija mitlufa. Il-kwistjoni hija b’kemm ser jitlef il-Partit Nazzjonalista.

Fir-ritratt jidher Robert Tabone, it-tifel tal-ex-Ministru ta’ Għawdex Anton Tabone u warajh, hemm Edward Said, ħu Dr. Chris Said. It-tnejn libsin flokk blu. Samuel Azzopardi jidher fir-ritratt libes qmiż bajda.

One comment

Leave a Reply