Samuel Azzopardi elett għal darba oħra bħala l-President tar-Reġjun ta’ Għawdex b’aktar mid-doppju tal-voti mogħtija lilu
Kif kelli ċ-ċans nikteb aktar kmieni llum, kien hemm l-elezzjoni għal żewġ presidenti mis-sitt reġjuni li hija maqsuma f’Malta u Għawdex. F’dawk ta’ Għawdex kien hemm elezzjoni minħabba li l-avukat żagħżugħ u maħbub Samuel Azzopardi ħareġ bħala kandidat independenti.
Kif kien previst minn dan is-sit, Samuel Azzopardi ġie elett u ppreferut fuq il-kandidat li ressaq il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri Robert Tabone. Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista kien imbuttat minn Chris Said. B’hekk dak li ġara llum kien disfatta kbira f’Għawdex għal Chris Said.
Biss ikbar sorpriża huwa l-ammont ta’ kbir ta’ voti li ġab Samuel Azzopardi. Ġab tliet kwarti tal-voti mitfuħa, jiġifieri mhux biss ivvutawlu l-Laburisti, imma nofs il-kunsilliera Nazzjonlisti.
Wieħed irid ifakkar li Samuel Azzopardi kien il-president ta’ dan ir-reġjun u kien ġie elett f’isem il-Partit Nazzjonalista. Biss din id-darba, il-Partit Nazzjonalista ried il-persuna ta’ Chris Said bħala l-President ta’ dan ir-reġjun u mhux lil Samuel Azzopardi.
Kull fejn kien Samuel Azzopardi dejjem ħadem tajjeb u b’rettitudni. Ma’ min tkellimt kollha kienu kelma waħda li bħala president tar-Reġjun għall-Għawdex f’isem il-Partit Nazzjonalista ħadem tajjeb u ġab anki r-rispett tal-kunsilliera Laburisti. Fuq kollox, Samuel Azzopardi mexxa wkoll l-Assoċjazzjoni tal-football f’Għawdex u anki hawn, kliem biss ta’ tifħir smajt dwaru.
