L-elezzjoni tal-lum għall-Presidenti ta’ żewġ reġjuni qed jitqiesu bħala l-ewwel vot ta’ fiduċja fit-tmexxija ta’ Bernard Grech.

Illum kien hemm l-elezzjoni biex ikunu eletti r-rappreżentanti tal-kunsilliera lokali fuq l-assoċjazzjoni tagħhom. Magħhom iridu jkunu eletti s-sitt president tar-reġjuni. Malta llum ġiet maqsuma f’sitt reġjuni u kull reġjun għadu l-president tiegħu. Dawn il-presidenti ipoġġu fuq l-esekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali.

Biss kien hemm żewġ reġjuni li kellhom l-elezzjoni fihom biex ikun elett il-president tagħhom. Dan għaliex hemm tliet reġjuni tas-south li huma Lejber u l-PN mhux qed jikkontesthom għaliex żgur mhux ser jerbaħ. L-istess qed jagħmel il-Lejber fir-Reġjun tal-Lvant. Dan hu qawwi ħafna Nazzjonalista. B’hekk bħala presidenti ta’ dawn ir-reġjuni nafu minn ser ikunu. Ser ikun hemm tlieta li ser ikunu mmexxija minn president Lejber u wieħed minn president Nazzjonalista. Baqa’ żewġ reġjuni, dak tat-Tramuntana u Għawdex. Dawn ġew ikkontestati. Dak tat-Tramuntana kien ikkontestat bejn kandidat tal-Partit Laburista u wieħed Nazzjonalista. Dak ta’ Għawdex kien ikkontestat bejn il-Partit Nazzjonalista u kandidat indipendenti.

Għal dawn l-elezzjonijiet kienu ntitolati li jivvutaw il-kunsillieri kollha li ġew eletti minn dawn iż-żewġ reġjuni, waqt li għall-erbgħa rappreżentanti fuq l-Esekuttiv tal-Kunsilli Lokali kienu ntitolati jivvutaw il-kunsilliera kollha. Dawn l-elezzjonijiet għalqu issa fil-ħdax. Ir-riżultat mistenni li joħroġ kmieni wara nofs in-nhar għall-ħabta tat-tlieta.

Dan hu l-ewwel test elettorali importanti għal Bernard Grech u l-amministrazzjoni tiegħu. B’hekk hemm stennija biex wieħed jara kif ser imur il-Partit Nazzjonalista f’dan it-test elettorali. Il-PN għandu n-numri biex jirbaħ kemm fir-reġjun tat-Tramuntana u dak ta’ Għawdex. Fit-Tramuntana għandu tliet kunsilliera aktar mill-Lejber u f’Għawdex wieħed aktar mill-Lejber. Biss hemm ukoll tlieta indipendenti ġewwa Għawdex għaliex fl-Għarb hemm tliet kandidati indipendenti li qed imexxu din il-lokalita’. Biss hemm biża’, anki jekk diffiċli, li l-PN jitlef dawn iż-żewġ reġjuni. Għall-inqas il-presidenti tagħhom qabel kienu Nazzjonalisti.

Qabel dawn l-elezzjonijiet kien hemm ħames reġjuni. Tlieta kienu mmexxija minn presidenti Nazzjonalisti u tnejn Laburisti. Ġara li żied reġjun ieħor, u għalhekk tellgħu għal sitta. Dak li żdied ser ikun immexxi minn President li ġej mill-kamp Laburista.  

Issa hemm biża’ li wara l-elezzjoni ta’ dal-għodu u l-PN jitlef dawn iż-żewġ reġjuni. Jekk jiġri hekk, il-PN ikollu biss president wieħed. Erbgħa oħra jkunu Laburisti u jkun hemm president Indipendenti. Fi kliem ieħor, il-biża hu li dak tat-Tramuntana jmur għal-Lejber, waqt li dak ta’ Għawdex jittieħed minn kandidat indipendenti.

F’Għawdex il-Lejber ma ħariġx kandidati. Biss fuq Għawdex ħareġ Samuel Azzopardi bħala kandidat indipendenti. Samuel Azzopardi ġej mill-kamp Nazzjonalista imma ġie mwarrab mill-Partit Nazzjonalista. Il-kandidat uffiċjali tal-PN hu Robert Tabone li hu ta’ Chris Said.

Quddiem din is-sitwazzjoni, dan is-sit jista’ jiżvela li nhar l-Erbgħa li għadda saret laqgħa fid-Dar Ċentrali għall-kunsilliera kollha eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista. Biss għal din il-laqgħa kien jinħass sensazzjoni ta’ paniku. Il-kunsilliera Nazzjonalisti ġew mitluba biex joħorġu jivvutaw u jivvutaw lill-kandidati kollha magħżula mill-Partit Nazzjonalista.

B’hekk, jekk jintilfu dawn iż-żewġ reġjuni, jew anki wieħed minnhom, ikun vot ta sfiducja qawwija u bla preċedent fl-amministrazzjoni preżenti tal-Partit. Fuq kollox, hemm anki l-biża li apparti milli jintilfu l-elezzjoni ta’ dawn iż-żewġ presidenti, jista’ jkollu disfatt fl-elezzjoni tal-erbgħa kunsilliera li jridu jitilgħu fuq l-esekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Għal dawn l-erbgħa postijiet ħarġu ħames kunsilliera – tlieta Lejber u tnejn Nazzjonalisti. Il-Lejber qed jipprova biex itella’ tlieta, anki jekk dan hu diffiċli ħafna.  

Illum il-Partit Nazzjonalista qed ibati l-konsegwenzi ta’ dak li ġara meta numru ta’ individwi u deputati ħadmu qatigħ kontra Adrian Delia meta dan kien kap. Infakkar li dawn kienu saħansitra ħadmu kemm felħu biex tellfu lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-kunsill lokali li kienu saru fl-2019, b’mod partikolari kontra dawk il-kunsilliera li kienu mitqiesa bħala ta’ Adrian Delia. Kienu ppreferew li jintilfu il-voti għall-Partit Nazzjonalista milli jaraw Nazzjonalisti ħuthom ikunu eletti fil-Kunsilli Lokali.

Issa hemm il-biża’ li l-Partit Nazzjonalista jibda jaħsad dak li żera’. Fi kliem ieħor, kif jgħid il-Malti: min xarrbu ser jispiċċa jieklu l-bakkaljaw. Dawk li għamlu ħafna ħsara lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni li għaddew tal-kunsilli lokali, issa ser ikollhom jaffaċċaw it-traġedja tal-azzjonijiet tagħhom stess.

Leave a Reply