Karol Aquilina irid jitgħallem jikkontrolla lilu nnifsu. Jekk le, ħsara biss ser jagħmel lill-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Karol Aquilina messu qiegħed ‘on cloud nine’ kuntent u ferħan għar-rebħa li għamel din il-ġimgħa fil-qorti. Jekk kienx hemm manipulazzjoni tal-filmat u affarijiet oħra mhux importanti hawnhekk. L-inkoraġġiment hu li ħareġ liberat u ma għandux iżjed irbit ma’ ismu u jista’ jgħid u jwettaq li jrid bil-vittorja tiegħu. Jista’ jitkellem kemm irid u jgħid li pruvaw jonsbuh, li pruvaw jikkundannawh fuq tbagħbis ta’ filmat. Għandu kull dritt, imma hemm limitu ta’ kollox fil-ħajja, għax iż-żejjed bħan-nieqes.

Milli jidher ir-rebħa li għamel fil-qorti, lil Karol Aquilina telgħetlu għar-rasu u forsi wkoll sturdietu mhux ħażin. Flok għaraf jirkeb fuq is-sħaba vinċitriċi li għadda minnha din il-ġimgħa, intilef u ħassu superjuri u għamel pastażati li ma tistenniex minn avukat u iżjed u iżjed minn deputat parlamentari.

Flok żamm tbissima u ħares lejn l-avversarji tiegħu b’sodisfazzjon, intilef minn sensih u rama jgħajjat u jgħajjar lill-politiċi tal-partit fil-Gvern. Kif jgħid il-Malti paxxihom. Kien minn fuq u tilef kull sens ta’ rebħa u waqa’ għal ħabba tas-sultan. Issa spiċċa qed jerġgħu jgħajru lilu għax ma kienx kapaċi jikkontrolla lilu nnifsu. Spiċċa qiesu tifel li jsabbat saqajh għax ma ħax li ried.

Flok kien matur u uża dan iż-żmien a favur tiegħu, tilef kollox u spiċċa fl-aħbarijiet minħabba ċ-ċuċati li għamel. Tant kien mitluf bir-rebħa tiegħu, li telfitlu kull kalma, li spiċċa għamel ħafna ħsara lilu nnifsu u lill-partit li jippreżenta.

Flok qagħad b’moħħu ffukat u seren, intilef minn sensih u rama jgħajjar, xi ħaġa li l-politiċi min-naħa l-oħra tal-Gvern riedu jwettqu u rnexxielhom. L-Ingliż jgħid, ‘if you can’t stand the heat, get out of the bloody kitchen’. Dak huwa l-messaġġ li qed jgħaddu ħafna sostenituri tal-partit tiegħu llum, wara li semgħu dwar il-pastażata li għamel fil-Public Accounts Committee fil-Parlament.

Meta tilef il-kalma u rama jgħajjat, fost affarijiet oħra, ‘liar, liar’ lill-membru tal-partit oppost, saħansitra dejjaq lil sħabu fl-istess partit, b’tali mod li kellhom ibaxxu rashom u kieku setgħu kienu jisparixxu minn madwar il-mejda.

Issa jekk ma jridx ikompli jniżżel l-isfel lill-Partit Nazzjonalista għandu jagħlaq ħalqu u jinsa għal kollox ir-rebħa li għamel. Għandu jikkonċentra biss fuq ‘damage control’ ħalli jipprova jtaffi l-ħsara. Jekk ikompli jażżarda jerfa’ leħnu, ngħidlu minn issa li jista’ jagħlaq il-kapitlu tal-politika u jwarrab għal kollox mill-Partit Nazzjonalista.

Din l-ewforija tar-rebħa li seta’ uża għall-gwadann tiegħu personali u għall-partit tiegħu, tilifha kollha u issa jrid, mhux biss jikkontrolla lilu nnifsu, imma jara kif jagħmel biex ma jagħmilx aktar ħsara lill-Partit Nazzjonalista.

One comment

Leave a Reply