Infetħet mill-ġdid il-prospettiva li l-elezzjoni jsir fl-aħħar ta’ Novembru

Blog post minn osservatur politiku

Għandna konferma li l-Papa mhux ġej din is-sena. Mela issa nfetħet beraħ il-possibilita’ li jkollna elezzjoni fl-aħħar ġimgħa ta’ Novembru li ġej jew il-bidu ta’ Diċembru. L-uniku intopp li deher li kellu l-Prim Ministru Robert Abela biex jgħajjat elezzjoni bikrija kienet din il-viżita u l-kondizzjonijiet li jagħmlu dawk ta’ madwar il-Papa. Issa hija ċara. It-triq infetħet u l-Prim Ministru għandu żewġ għażliet mingħajr ebda intopp. Jista’ jgħidlina li se jsejjaħ elezzjoni ġenerali f’Novembru u jista’ jħalli kollox għal bejn Marzu u Ġunju tas-sena d-dieħla.

Ħafna qed jiddibutaw li minħabba l-budget ma tistax issir. Hawn min jaħseb mod ieħor u jgħid li l-budget ma għandux ikun ta’ ostakolu biex issir l-elezzjoni. Il-budget se jixxandar nhar it-Tnejn 11 ta’ Ottubru bir-risposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni ssir it-Tnejn ta’ wara, jiġifieri fit-18 ta’ Ottubru u bir-risposta tal-Prim Ministru fl-20 ta’ Ottubru. X’hemm x’iżomm lill-Prim Ministru li jgħajjat l-elezzjoni wara li jgħati r-risposta tiegħu għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, jiġifieri fl-20 tax-xahar?

Jekk irid u jħoss li jaqbillu, jista’ mingħajr diffikulta ta’ xejn jagħmel l-elezzjoni din is-sena u jibbaża l-kampanja elettorali tiegħu fuq dak kollu li se jxandar nhar it-Tnejn fid-diskors tal-budget. Ilna nisimgħu l-ġimgħa kollha ndikazzjonijiet dwar il-budget u allura la huwa budget mingħajr taxxa imma ta’ tqassim biss, dan jista’ jservi bħala proposti għall-kampanja elettorali għall-partit fil-Gvern.

33 ġurnata huwa l-minimu li jrid iħalli biex jagħmel l-elezzjoni wara li jxandarha. Mela jekk ixandar fl-20 ta’ Ottubru, it-33 ġurnata jgħaddu fit-22 ta’ Novembru. U allura faċilment jista’ jsejjaħ elezzjoni għas-27 ta’ Novembru, 2021. Naħseb li ebda Prim Ministru ma għandu xi interess li jtawwal il-kampanja elettorali, li tfisser spejjeż kbar għal kull partit politiku.

Jekk fuq id-data tal-kampanja elettorali nistgħu nagħmlu dibattitu żgur imma li llum l-ebda Prim Ministru ma jaqbillu kampanja fit-tul ħlief jekk jaħseb li ser jitlef. Jekk il-Prim Ministru jkun ċert li ser jerbaħ jaqbillu jżomm mat-33 ġurnata li tagħtih il-liġi elettorali.

Leave a Reply