Ħarsa lura: ir-rapport tat-telfa 2013 kien formidabbilment KOMPRENSIV u KIEFER!’ (L-ewwel parti)

Blog post minn Dr. Hermann Farrugia

‘Għadu jgħodd illum daqs kemm ġia’ missu kien opportun fl-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju ’17 u sussegwentement għall-inkontri elettorali ta’ Mejju ’19.’

Illum hekk għandu l-meritu li jibqa’ jinħass ir-rapport awtokritiku ta’ Mejju 2013 li kien ġie imniedi mid-dirigenza tal-Partit Nazzjonalista: ‘Iva! Għalkemm qalil, jibqa’ ġust, validu u fejjiedi.’

Dar-rapport kellu l-għan li jistħarreġ u saħansitra jifli mill-qiegħ mhux biss l-andament elettorali iżda r-raġunijiet kollha (minn rasu sas-swaba ta’ saqajh) li mhux biss setgħu perċezzjonalment filġu l-armonija fil-partit iżda li sa’ waslu biex  ikkaġunawlu emorraġija serja ta’ appoġġ popolari. Elementi u sitwazzjonijiet għalhekk meqjusa responsabbli għat-telfa kolossali li ġarrab l-istess partit fl-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu ’13.

Is-sekwenza estensiva (lista tawwalija tant li donnha ma setgħet taqta’ xejn u qatt) ta’ fatturi li fir-rapport tat-relfa kienu ikkaratterizzati bħala ta’ natura INEVITABBLI fiċ-ċirkustanzi partikulari tat-tmexxija amministrattiva (kemm dik tal-Gvern Gonzi kif ukoll tal-Partit Nazzjonalista) tul il-legiżlatura parlamentari bejn Marzu ’08 ~ Diċembru ’12 ma jidhirlix li jeżisti skop loġiku rilevanti li tiġi mgħarbla llum.

L-uniku tama li għad  baqgħali f’dan ir-rigward hi li meta (jekk Alla jrid mhux tant ‘il bogħod ) jiġi l-waqt fejn il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jingħata l-mandat sabiex jiggverna; l-ewwel boxxla għall-preparazzjoni formattiva li għad tiggwida lill-kabinett il-ġdid tkun imsejsa fuq din l-istess lista ta’ osservazzjonijiet varji kif dehru elenkati fit-taqsima preliminarja tar-rapport inkwestjoni.

Mela l-ġustifikazzjoni valida hawnhekk għall-ĦARSA LURA permezz ta’ dawn l-ewwel żewġ artikli analitiċi għandha tkun waħda biss: jekk il-P.N. kien tabilħaqq beda jixtarr u jitgħallem il-lezzjoni li ndikalu dak l-illustri Rapport ’13, għalxiex il-Partit Nazzjonalista reġa’ tilef bl-istess distakk intens f’Ġunju 2017?

Fil-qosor liema kienu l-elementi essenzjali tal-lezzjoni li kellha tingħata u li maż-żmien suppost beda jitgħallem il-P.N. sewwasew immedjatament wara dak il-perijodu ta’ riflessjoni post-elettorali ’13?

L-analiżi tiegħi fformulajtha fuq medda ta’ sitt gimgħat tul is-sajf li għadda wara li ngħatajt l-okkażjoni ngħarbel l-oqsma rilevanti tar-rapport flimkien ma’ kull min aċċetta iwiegeb il-kwestjonarju li kont ifformulajt apposta. Stħarriġt, flejt sew u analizzajt it-tweġibiet ta’ kohort imdaqqas ta’ membri-attivisti tal-partit kif ukoll minn għażla randoniżżata fost grupp ta’ familji li tradizzjonalment dejjem urew simpatija elettorali (dawn magħżula b’metodu proporzjonali minn kull qasam tad-dinja tax-xogħol, status soċjo-demografiku madwar Malta u Għawdex).

U x’beda ħiereġ minn dan l-eżerċizzju metodiku strutturat? 

Għadha sa’ Illum (tmien snin u nofs wara) tiġi mlissna u aċċennata forma ċara ta’ tħassib serju fost partitarji-tesserati u dawk li m’humiex. Dan l-atteġġjament ħosbien jidher sew li tibqa’ taħti għalih dik li għadha tiġi pperċepita u/jew interpretata bħalha serje ta’ nuqqasijiet fl-organizzazzjoni strutturali nterna kif ukoll dawk li setgħu seħħew fil-ħidma politika kif ukoll strategija elettorali Nazzjonalista.

Spikkat ukoll distintivament il-fehma li dawn l-anomaliji jew ossija mankanzi li bosta minnhom għadhom jinħassu llum f’Ottubru ’21, messhom sa’ issa (jekk ma kienx diġa’ possibbli sal-elezzjoni bikrija ta’ Ġunju ’17) ġew gradatament evitati jekk mhux anke skartati għal kollox. Qiegħed nelenka l-ewwel sett ta’ sitt punti hawnhekk b’ebda ordni ta’ preċedenza ta’ aspett fuq ieħor:

a) Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern konsistentement wera ‘legaliżmu żejjed’ f’qafas burokratiku pperċepit bħala diffiċli u li ma’ qata’ xejn u qatt.

b) Il-Partit Nazzjonalista laħaq iġġenera fama li hu ‘tar-ruħ’ fl-oppożizzjoni iżda hekk kif ikun fil-poter faċilment jinbidel fi ‘gvern insensittiv’ saħansitra ‘biered’ għal kumplikazzjonijiet eżistenzjali u finanzjarji tan-nies inkluża ta’ dawk fil-kategoriji imprenditorjali u tal-familji fin-negozju.

c) Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern magħruf jieħu ż-żmien tiegħu jistudja, jindaga u jikkonsulta mal-esperti tiegħu bil-konsegwenza li f’ħafna oqsma tintilef l-effikaċja tat-twettiq eventwali partikolarment ta’ progetti kapitali siewja u ndispensabbli.

d) F’oqsma ekonomiċi-soċjali u tal-politika industrijali, in-Nazzjonalisti fil-Gvern ġeneralment għandhom tendenza jibbrillaw. Madankollu, fejn jaħbtu aġġornamenti realistiċi, adattamenti tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u anke kumpensi bħall-għoli tal-ħajja, kienu spiss meqjusa reattivi minflok propożittivi jew saħansitra nnovattivi.

e) Il-Partit Nazzjonalista għandu jibqa’ jaħdem qatigħ sabiex jibda jiġbed lejh aktar simpatija u ċertu appoġġ elettorali mistħoqq mir-residenti barranin u tal-komunita’ Musulmana stabbilita’ ġewwa pajjiżna.

f) Statutorjament il-Partit Nazzjonalista kommess b’mod espliċitu li jirrispetta anzi jipprotegi l-valuri tal-moralita’ favur il-ħajja umana mill-waqt determinanti tat-tnissil sal-punt tal-aħħar nifs.

Madankollu, għad-detriment tal-kredibilita’ tal-amministrazzjoni Nazzjonalista, kienu faqsu strutturi kulturali fi ħdan l-istess Gvern li qabdu u mxew fuq linja għal kollox sekulari sa’ waslu biex imbarazzaw il-figura konservattiva tal-istess Prim Ministru. Bl-istess mod, il-Partit Nazzjonalista, l-iżjed ovvju mal-medda tal-aħħar xhur, deher jieħu xejra kontradittorja, konfuża anke anomala għal kollox a skapitu tal-integrita’ fl-immaġini u fix-xejra naturali popolari tiegħu.

Qegħdin ifaqqsu elementi ultra-liberali għalissa għal kollox minoritarji li mhux talli maż-żmien mill-pubblikazzjoni ta’ dar-rapport saru ‘ittollerati’, imma milqugħin ta’ ‘Nazzjonalisti Primi’. Huwa ċar daqs il-kristall li l-istess strutturi tal-partit dehrilhom li għandhom ibaxxu rashom u iċedu l-valuri quddiem l-insistenza elokwenti ta’ dawn l-individwi. Issa l-partit wasal f’sitwazzjoni redikola li dawn tħallew jasserixxu ruħhom, jimlew karigi għolja u effettivament diġa’ waslu biex ħadu ‘id-dritta’ fuq il-maġġoranza assoluta tad-dirigenti, attivisti u tesserati tal-Partit Nazzjonalista.

Ikompli.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *