Għaliex l-għoti tas-seba’ distrett lil Adrian Delia kien pass fid-direzzjoni t-tajba?

Il-bieraħ kellna l-aħbar li Adrian Delia ser jitħalla joħroġ fuq is-seba’ distrett. Aħbar bħal din għandha tkompli tnaqqas mill-anomożita bejn in-Nazzjonalisti infushom. Waqt li huwa fatt li wara sena minn meta Dr Bernard Grech sar Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-anomożita fuq il-media soċjali taffiet mhux ħażin, biss huwa fatt ukoll li din ma spiċċatx għal kollox.

Wieħed irid jgħid li kien hemm tliet snin sħaħ ta’ animożita kontra l-istess Adrian Delia matul il-perjodu li hu kien kap. Din ġiet immexxija min-numru ta’ deputati u l-akkolti tagħhom. Anzi kienu għamlu din l-animożita bħala l-manuvra prinċipali tagħhom. Mela jekk kellek il-maġġoranza tad-deputati bis-sostenituri tal-partit kuntenti li l-għan tagħhom hu li Adrian Delia jitwarrab, ma kellhomx għalfejn ikomplu jxerrdu l-valenu fuq il-media soċjali kontra l-istess Adrian Delia. Fil-verita’ din l-animożita baqgħet xi ftit u nispera li l-azzjoni tal-bieraħ twassal biex anki din l-animożita tispiċċa.

It-triq ġa mbdiet. Fil-fatt ma tantx għadna naraw it-tgħajjir klassist li kien għaddej sa ftit ilu. Ħafna min-Nazzjonalisti ġew mgħajra tat-tielet klassi. Dan kien ġej mix-xaqliba tas-soċjeta ċivili u dawk li jaqblu magħhom. Imma issa waqaf. Bil-fors ikollu jieqaf ħalli jippruvaw iħallu lil min għażlu jaħdem u jagħmel xogħolu. Ħadd ma jista’ jinsa li s-soċjeta ċivili kellha parti mportanti fil-ġlieda biex jittajjar Adrian Delia. Dawn in-nies kienu qed itajru l-bandiera ta’ Daphne Caruana Galizia li kienet ħalfet li teqred lil Adrian Delia, saħansitra poġġietu fuq l-istess livell ta’ Joseph Muscat fil-kitbiet tagħha.

Dawk li komplew ixejru l-bandiera tagħha riedu jimitawha u għalhekk baqgħu għaddejjin bit-tgħajjir kontra Adrian Delia u forsi wkoll żiedu d-doża. Kien hemm numru mhux ħażin tas-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista li sabu refuġju f’Repubblika u l-gruppi l-oħra tas-soċjeta ċivili.

Jgħidu x’jgħidu u jippruvaw kemm jippruvaw, il-firda u d-disgwid fil-Partit Nazzjonalista kien riżultat ta’ Daphne u s-segwaċi tagħha li komplew il-ġlieda u bit-tgħajjir. Repubblika et al kienu ta’ sostenn enormi lill-establishment tal-Partit Nazzjonalista dak iż-żmien. Kienu taw daqqa ta’ id tajba fit-tqanqil ta’ inkwiet lil Dr Delia u sħabu u dan ikkawża ħsara kbira lill-Partit Nazzjonalista. Dan ħolqot qasma qawwija fil-partit. Il-biża’ tiegħi llum hi li din hija xi ħaġa li mhux ser tgħaddi daqshekk malajr. Għalkemm inbidel il-Kap, id-diviżżjoni li qanqlu Daphne u s-soċjeta ċivili hija tant profonda li ser tkun diffiċli biex tkun infejqa għal kollox.

Wieħed jispera li wara l-azzjoni tal-bieraħ, fil-Partit Nazzjonalista jkompli jirbaħ ċertu livell ta’ għaqda. Biss baqa’ l-biża. Hawn min jemmen li din l-għaqda hija kollha perċezzjoni, imma fil-verita’ ma teżistix.

Żgur li ma fadalx laqgħat fil-ħemda tal-lejl u f’postijiet mistura minn klikka li saħħet lis-soċjeta ċivili biex ikomplu fil-għan tagħhom tat-tneħħija tal-kap. Waqt li jibqa’ fatt minnu li Dr. Bernard Grech ħambaq fuq l-għaqda, din għada ma ġietx għal kollox. Għalhekk qed ninsisti li dak li ġara l-bieraħ kien pass għaqli.

Issa jekk din hux ser tgħin biex tkompli twassal għall-għaqda, inħalli f’idejn il-qarrejja biex jiġġudikaw. Li nista’ nżid li l-għaqda interna fil-Partit, speċjalment fil-grupp parlamentari, żgur li għada ftit il-bogħod.

B’hekk wieħed irid ikompli jara kif ser jiżviluppaw l-affarijiet fil-Partit Nazzjonalista fil-jiem li ġejjin. Nispera li l-Partit Nazzjonalista jkompli jibni fuq is-sens komun li rebaħ il-bieraħ ħalli bil-mod jibdel il-perċezzjoni li hemm kontra tiegħu hemm barra. Infakkar fil-kliem profetiku ta’ Kristu li “jekk saltna hija maqsuma fiha nnifisha, ma tistax iżżomm fuq saqajha”. (Mark 3:24)

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *