Għaliex Konrad Mizzi jrid jibdel fhemtu u jidher quddiem il-kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi?

Blog post minn osservatur politiku

Bħala deputat Konrad Mizzi għażel li ma jidhirx quddiem il-kumitat tal-kontijiet pubbliċi. B’dak li qed jagħmel, Konrard Mizzi qed jagħti l-impressjoni li hu qiegħed fil-parlament għal paga biss u biex jibqa’ jħaddan il-privileġġi parlamentari. Għalija, din id-deċizzjoni turi disrispett lejn l-istess votanti li eleġġuh fil-parlament. Jista’ jkun li kellu kull dritt li jagħmel hekk. Biss il-messaġġ li bagħat kien wieħed ħażin ħafna.

Bir-raġun hemm min qed jistaqsi jekk b’dak li għamel Konrad Mizzi kienx qed ikun ġust mal-poplu Malti u Għawdxi? Bħala deputat, dan ir-raġel għad għandu dmirijiet u doveri sa kemm idum ipoġġi fil-parlament. Hu dmir u dover tiegħu li jidher quddiem dan il-kumitat biex jirrispondi ta’ għemilu bħala rappreżentant tal-poplu.

Konrad Mizzi rċieva eluf ta’ voti minn għand il-votant Malti. Dan huwa d-deputat li kien il-persuna nkarigata biex jinforma lill-poplu Malti u Għawdxi dwar il-pjanijiet tal-Gvern dwar l-enerġija fil-pajjiż. Dan kien l-istess bniedem li nnegozja proġett li sewa lill-poplu miljuni kbar. Dan kien il-kandidat, qabel l-elezzjoni tal-2013, li kien kuljum fuq quddiemnet u quddiem il-cameras, jispjega kemm se jkun ta’ ġid għall-poplu kollu dan il-proġett tal-enerġija.

Issa hemm dell ikrah fuq dan il-proġett. Hemm dellijiet mhux ħażin fuq il-kuntratt sar. Mela, issa għandu d-dover lejn il-poplu u allura lejn il-parlament biex jagħmel dmiru u bħal ma deher quddiem il-poplu biex ivara dan l-istess proġett, issa irid jidher quddiem dan il-kumitat, magħmul mir-rappreżentanti tal-poplu biex jirrispondi għal għemilu.

Jekk fil-parlament għandu l-privileġġi, għandu magħhom id-doveri wkoll. Fuq livell personali, il-privileġġ użah u ma marx quddiem il-kumitat. Imma fuq livell ta’ voti tal-poplu, allura fuq livell ta’ rappreżentant tal-poplu, ma għamilx id-doveri tiegħu. Bħal kull deputat, dan irid jifhem li qiegħed fix-xena pubblika mhux bis-saħħa tiegħu, imma bis-saħħa tal-voti tal-pubbliku. Għalhekk qed ninsisti li l-ewwel dmir u dover li għandu huwa lejn il-pubbliku.

Ma jippretendix li fil-glorjuż jintrefa’ fuq l-idejn biex jilqa’ l-applaws tal-poplu u fid-doloruż jitbiegħed minn dmirijietu. Dan hu dak li jiġri meta deputat jirrifjuta li jidher quddiem kumitat imwaqqaf mill-istess parlament li tiegħu huwa membru.

Għalhekk, dawn huma azzjonijiet ereżjarki f’wiċċ il-poplu kollu u ebda deputat li jpoġġi fuq il-pultruni tal-parlament ma għandu dritt jagħmel ġudizzju personali u jiddeċidi hu jekk jidhirx quddiem kumitat jew le. Jekk jeżistu d-dubji, jrid ikun serju, għax hekk pretendew minnu l-votanti, u jirrispondi mingħajr tlaqliq għal dak li għamel kemm fit-tajjeb u iżjed u iżjed fil-ħażin.

Il-poplu semgħu, l-poplu fehem, l-poplu ddeċida, l-poplu vvota, l-poplu tella’ lilu u lil partit tiegħu. Il-proġett li ħambaq fuqu twettaq. Il-proġett fit-tajjeb u fil-ħażin tiegħu għaddej. Il-proġett huwa issa parti mill-iskema li twettqet fuq l-enerġija.

Imma l-poplu ma kienx jaf li hemm karti moħmija u misturin. Issa daħal dubju serju. Hu fid-dmir tiegħu li jneħħi dan id-dubju. Issa l-arja tqalet. Issa l-ilma ddardar u ddardar aktar għax irrifjuta li jidher quddiem dan il-kumitat. Issa dak li kien allegatament, ser jibda jidher bħala veritier.

B’hekk aktar u aktar għandu jibdel fhemtu u jidher quddiem dan il-kumitat.

Leave a Reply