Where your opinion counts

Għaliex il-messaġġ ta’ TeamStart tal-bieraħ quddiem il-PBS mhux ser jasal għand iż-żgħażagħ

Imma min fil-Partit Nazzjonalista qed jagħti l-pariri jew qiegħed jinqeda bit-teenagers ta’ TeamStart? Il-bieraħ bagħtuhom quddiem il-PBS, lebsin b’boilersuits ħomor, bi plakka li fuqha kien hemm il-logo tal-ONE u bil-mużika tal-kor Ċiniż ikantaw ‘Ma Tagħmlu Xejn mal-Perit Mintoff’.

Mela ejja nagħmlu dissett ta’ din il-mossa fjakka u pwerili. Lil min qed ikellmu tat-TeamStart? Suppost qed jikkomunikaw ma’ żgħażagħ bħalhom. Nibda biex ngħid li żgħażagħ ta’ dik l-eta’ ma jarawx TVM, NET jew ONE u iżjed u iżjed ma jarawx aħbarijiet fuq it-TV. Ħarsa lejn r-rapporti tal-Awtorita tax-Xandir juru kemm dan hu fatt.

It-tieni: żgħażagħ ta’ dik l-eta’ bilkemm jafu min hi Norma Saliba aħseb u ara min hu l-Perit Mintoff. Iżjed u iżjed ara kemm fehmu dak l-innu kantat mill-Koreani u l-implikazzjonijiet li kellu fis-snin tmenin, 40 sena ilu!

Allura meta tara mossa bħal din tinduna li min qed jieħu d-deċiżjonijiet fid-Dar Ċentrali qed jaħseb b’moħħ ta’ bniedem ta’ meżż eta’ jew akbar. Żgur kien jaqra lil Daphne Caruana Galizia li kienet tħobb tfakkar lill-qarrejja tagħha f’dan l-innu.

Min bagħat lil dawn iż-żgħażagħ jagħmlu dik il-kummiedja jaf li l-messaġġ tagħhom ma jfisser xejn ma’ żgħażagħ bħalhom u allura ried jinqeda bihom, għax huma ma jibżgħux, biex iwassal messaġġ għand persuni li jiġu l-ġenituri tagħhom. Il-politika ma taħdimx hekk. Din hija xi ħaġa li politikament ma għandhiex isir.

Kieku fid-Dar Ċentrali hemm min qed jaħseb, kieku kienu jindunaw li ż-żgħażagħ Maltin ma jieħdux l-aħbarijiet minn TVM. Iż-żgħażagħ Maltin twieldu f’era post-Eddie Fenech Adami fejn iħossuhom liberi li jfittxu n-news online u jikkonfermaw dak li jridu.

Liż-żgħażagħ Maltin ftit li xejn jista’ jilluppjawhom bl-aħbarijiet fuq TVM, Robert Abela u Norma Saliba. Għalhekk, ix-xenata li għamlu ta’ TeamStart illum hi out-of-touch u serviet biss biex żgħażagħ oħra jitmejlu bihom u ma jarawx fihom sors ta’ ispirazzjoni. B’hekk dak li ġegħluhom jagħmlu din ix-xena, mhux talli ma laħqux l-iskop aħħari tagħhom, talli komplew jkissru il-kredibilita’ ta’ TeamStart fost iż-żgħażagħ Maltin.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *