Il-“hero” ta’ Matthew Caruana Galizia sab l-iebes fil-qorti: il-pulizija qalgħet ħasla fuq l-investigazzjoni tagħha tal-qtil Daphne Caruana Galizia.

Advertisements

Il-hero ta’ Matthew Caruana Galizia qala’ ħasla tajba l-bieraħ mingħand l-imħallef Lawrence Mintoff. Bla kantuniera ta’ xejn, l-imħallef Mintoff qal ċar u tond lill-kummissarju tal-pulizija li l-investigazzjonijiet fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma sarux sew. Hu kien ċar. Il-mod kif investigat lil Keith Schembri iħalli ħafna dubji.

Infakkar li waqt li l-Kummissarju tal-Pulizija, bħala kummissarju ma kienx fil-bidu f’dan il-każ, il-lead investigator, Keith Arnaud kien mill-bidu f’din l-investigazzjoni. Mela l-kritika li l-imħallef Mintoff għamel lill-pulizija, kienet kritika anki lejh.

Fuq kollox mis-smigħ tal-bieraħ ħareġ li l-kummissarju tal-pulizija qagħad jilgħab bil-bżallu fit-tweġib li ta lill-qorti. Dan hu gravi ħafna. Infakkar li hu kien qal li t-telefon li għandu ta’ Keith Schembri ma fihx d-data li kienet relevanti għad-delitt. Biss żied il-frażi importanti u qal dak li kien instab jew ġie analizzat s’issa.

Tant li ma’ din t-tweġiba, l-istess kummissarju tal-pulizija pprova jwaqqa’ l-avukati tad-difiża għar-redikolu. Issa l-imħallef Mintoff qalilna li hu għadu qed jistenna l-estrattazzjoni kollha tad-data minn dan it-telefon ta’ Keith Schembri. Tidher li din ser tieħu ħafna jiem! Jiġifieri d-data għadha ma ġietx estrapolata kollha.

Allura kif il-kummissarju tal-pulizija ġa kien jaf li ma hemmx informazzjoni f’din id-data li tirrigwardja dan il-qtil, anki jekk qagħad attent li jgħidilha ‘to date’? Għaliex ma jridx jagħmel kif qallu l-imħallef u jieħu ġurament u jgħid li ma hemmx?

L-imħallef Mintoff reġa’ wera kemm avukati li ġejjin mill-politika jafu jkunu imparzjali aktar minn ċertu imħallfin u maġistrati li ma jkunux ġejjin mill-politika. Kulħadd jaf li Lawrence Mintoff ġej mill-kamp Laburista. Kulħadd jaf il-kampanja li ċertu avukati fil-Partit Nazzjonalista kienu għamlu kontra tiegħu. Dawn l-avukati llum iridu tad-Delfinisti u l-paladini tal-ġustizzja. Biss l-imħallef ma ddejjaqx jgħid lill-Kummissarju tal-Pulizija li ġie appuntat minn Gvern tal-Lejber li kieku hu kien imexxi korp serju, kellu jiġbor il-computer ta’ Keith Schembri li kellu Kastilja u jissiġġilla l-uffiċju tiegħu u jsib il-famuż mobile mitluf.

Infakkar li punt ta’ kritika tiegħi lejn Jason Azzopardi dejjem kienet li qatt ma għamel pressjoni biex iross lill-pulizija fuq Keith Schembri. Id-deputat Avukat Ġenerali tar-Repubblika, Philip Galea Farrugia qatt ma talab fir-rinviji tiegħu biex Keith Schembri jidher quddiem il-maġistrata Montebello għall-kontro-eżami tad-difiza.

Għalija, dan id-digriet tal-imħallef Mintoff kien anki doċċa kiesħa wkoll lill-maġistrata Rachel Montebello li mexxiet il-kompilazzjoni tal-ġbir tax-xhieda.

Biss jidher li għad hemm imħallfin li jridu li l-affarijiet isiru sew fil-qrati tagħna, xi ħaġa li l-anqas il-familja Caruana Galizia tidher li trid. Kellu jkun imħallef li ġej mill-kamp politiku tal-Partit Laburista li ġibed waħda sew ir-rigni f’dan il-każ u dak li hu abjad qal li hu abjad u dak li hu iswed qal li hu iswed.

Infakkar li Arnaud ħa promotion u ġie maħtur supretendent fil-korp tal-pulizija. Infakkar li jien kont ktibt u għidt li dan kien intbagħat biex imexxi s-sezzjoni tad-droga. Il-ġurnal tal-isqfijiet Maltin ipprova jwaqqgħani għaċ-ċajt u kiteb artiklu biex jgħid li tant hu tajjeb Arnaud li tawh ukoll id-droga minbarra l-omiċidji.

Biss il-mod kif il-pulizija investigat dan id-delitt faħxi ma tantx qed iħalli mpressjoni tajba. Fl-aħħar kien hemm imħallef tal-affari tiegħu li ma ddejjaqx jgħid l-affarijiet kif inhuma. Imbagħad il-media kienet ippruvat twaqqgħani għaż-żuffjett għax tkellimt fuq frame-up!

https://www.maltatoday.com.mt/news/court_and_police/112518/judge_postpones_constitutional_decree_on_request_to_remove_daphne_murder_lead_investigator#.YV3bpmJBzzU

https://timesofmalta.com/articles/view/judgment-on-removal-of-investigator-in-caruana-galizia-case-postponed.906004