Il-bniedem wara l-falliment tal-Arriva, Manuel Delia, jrid jgħallimna fuq l-Metro

Blog post minn osservatur politiku

Jidher li Manuel Delia għadu ma qatax qalbu. Ara trid tkun il-veru mimli bik innifsek, arroganti u koċċut biex ikollok l-ardir li tikteb artiklu tmaqdar il-proposta tal-Metro, meta kien hu li għamel froġa mit-trasport pubbliku u rranġa għall-frisk lill-poplu Malti kollu. Dan Manuel Delia, hu l-istess persuna li poġġa fuq platt tad-deheb ir-realta’ Arriva li ntużat b’forza qawwija minn Joseph Muscat waqt il-kampanja elettorali tal-2013.

Issa reġa’ kiteb, biex jurina kemm hu bravu, fuq is-suġġett tat-trasport pubbliku, u għal darb’oħra reġa’ ħa ħafna żbalji! Alla ħares kellu jisma’ minnu xi ħadd, għax jerġa’ jdaħħalna fil-ħajt! Mhux ta’ b’xejn li Simon Busuttil ma nvolviehx lil Manuel Delia meta ppropona l-Metro qabel l-elezzjoni tal-2017.

Fl-artiklu tiegħu dwar il-Metro, Manuel Delia jagħmel kalkolu żbaljat oħxon ħafna. Jgħid li f’Malta m’hawnx biżżejjed nies biex jirkbu l-Metro u allura l-proġett mhux vijabbli. Imma dan il-bravu jinsa jgħodd 2 miljun turist li kienu jżuru Malta qabel il-Covid u li sas-sena d-dieħla jerġgħu jiġu. Tafu xi żball oħxon hu dak? Għax minn 2 miljuni żgur li nofshom jirkbu l-Metro bħalma nagħmlu aħna meta nsiefru.

Ipokrezija oħra ta’ Manuel Delia fl-artiklu tiegħu hi dwar ir-reklami li qed jagħmel il-gvern. Qalilna li dawn m’għandhomx isiru għax mhux kulħadd jaqbel li għandna bżonn Metro. Nesa dan kemm berbaq flus mit-taxxi tagħna biex jgħidilna li ġejja l-Arriva. Nesa kemm berbaq flus biex tellef il-ħobża ta’ kuljum tas-sidien tal-karrozzi tal-linja. Issa ġej jgħidilna li qed jintefqu l-flus fix-xejn.

Manuel Delia għandu kull dritt jgħid l-opinjoni tiegħu, imma d-diċenza pubblika titlob li meta tkun għamilt tant ħsara b’għemilek toqgħod lura qabel terġa tippontifika fuq l-istess suġġett li fih ġibt diżastru u ħloqt ħsara rreparabbli lill-Gvern ta’ Gonzi, li kien għadu kif salva n-nazzjon minn kollass finanzjarju.

Leave a Reply