100 xahar wara r-Rapport tat-Telf tal-2013: x’lezzjoni tabilħaqq tgħallem il-P.N.?

Advertisements

Blog post minn Dr Hermann Farrugia

Kif kont ħabbart kważi xahar ilu, qiegħed fil-proċess li nipproponi analiżi kemm jista’ ikun retta u anke kemmxejn xijentifika ta’ kemm u x’forma ta’ tagħlima manja irnexxilu jieħu l-Partit Nazzjonalista eżattament mitt xahar wara l-pubblikazzjoni tar-rapport uffiċċjali tat-telfa kolossali li l-amministrazzjoni Gonzi u allura l-Partit Nazzjonalista stess kien ġarrab fl-elezzjoni ta’ Marzu 2013.

Dik il-famuża awtopsja kienet tnediet immedjatament wara dak ix-xokk (kważi ta’ stil xiżmiku) li kien ġenwinament inħass mhux sempliċement mill-partitarji u attivisti Nazzjonalisti, iżda saħansitra minn min kien tradizzjonalment juri tendenza ta’ simpatija elettorali għall-P.N.

Il-konklużjonijiet ta’ dik l-ispeċi ta’ ‘awtopsja’ kienu saru pubbliċi fl-aħħar ta’ Mejju 2013, sewwasew wara eżami komprensiv fejn il-partit ippermetta lilu nnifsu jiġi espost totalment għeri, bit-tir li jiġi skrutinat ‘minn rasu sal-ponta tas-swaba ta’ saqajh’ bl-iskop waħdani li jiġu identifikati u ddeteterminati l-oriġini varji tal-gwaj serju (kemm intern kif ukoll dak estern) li kien maż-żmien irnexxielu jaħkem lill-integrita’ tal-Partit Nazzjonalista.

Ovvjament id-differenza essenzjali kienet li dan ma kienx studju forensiku tas-soltu fejn l-eżaminat ikun fi stat ta’ kadavru. Minflok, il-partit kien għadu f’kundizzjoni kważi moribonda u l-għan tal-eżami metodiku kien li l-partit jingħata kull forma ta’ risussitazzjoni effettiva billi jiġi offrut kull ċans realistiku li jinfeda u jasal biex f’intervall raġjonevoli dlonk joħroġ ‘mid-Dlam ghad-Dawl’.

Mela kif forsi fhimtu tajjeb, din sejra tkun serje ta’ osservazzjonijiet analitiċi puntwali tal-avvanz fit-triq tal-fejqan politiku-strategiku li kien mistenni permezz tal-elenku sħiħ ta’ mediċina-rakkomandattiva li l-Partit Nazzjonalista kien ircieva f’Mejju 2013. Riċetta illustri magħrufa kollokjalment bħala r-‘Rapport Ann Fenech’. Studju awtokritiku li kien intiseġ b’koordinament attiv minn sett kollaboraturi mħarrġa magħżula għal dan l-eżerċizju qalil u kiefer iżda ta’ xeħta nobbli u tant mixtieqa. Dawn il-membri tal-Bord maħtura kienu: Prof Mary Anne Lauri, Dr Simon Mercieca u s-Sinjuri Rosette Thake u Malcolm Custo’.

Mela fis-sekwenza tal- 4 artikli li jmiss sejjer niffoka b’mod ordnat u sistematiku fuq il-progress tangibbli (jew sewwasew in-nuqqas tiegħu ) li sar u ħalla mpronta sostanzjali fuq il-ħidma u l-kredibilita’ li laħaq iġġenera l-Partit Nazzjonalista b’riżultat tal-aċċettazzjoni f’waqtha tal-proposti rimedjali li kien irċieva tul dik il-ħabta post-elettorali’13 diffiċilissima.

Dan ir-rapport essenzjalment kellu fih pariri siewja ċċentrati fuq xejriet politiċi / organizzattivi / strateġiċi li kienu ġew ipperċeputi bħala dgħajfa wisq jew ossija evitabilment żbaljati għal kollox. Fuq kollox, dan ir-rapport ta lista komprensiva ta’ fatturi li wasslu għal din it-telfa u li kienu ġew mitqiesa bħala ta’ natura inevitabbli fiċ-ċirkustanzi partikulari tat-tmexxija amministrattiva kemm tal-gvern Gonzi kif ukoll tal-partit tul il-legiżlatura parlamentari bejn Marzu 2008 u Dicembru 2012. Il-lista tant kienet twila li bħal donnha ma kienet qata’ qatt.

Mela nistedinkom issegwu l-analiżi aġġornata tal-avvanz evidenti-elokwenti li diġa’ għadda, anzi għadu għaddej minnu l-P.N. Kif ġia’ irrimarkajt, mhux ser jonqos ukoll aċċenn sħiħ u ta’ bla tlaqliq fuq fejn il-bidla tal-orjentament intern tul dawn l-aħħar tmien snin u nofs għadha pjuttost aktar kajmana jew saħansitra stagnata għal kollox. L-analiżi sejra tinkorpora dawn l-erba’ artikli sussegwenti

L-ewwel tnejn ser ikunu ĦARSA LURA fejn nara għaliex reġa’ tilef il-Partit Nazzjonalista f’Ġunju 2017. Fl-aħħar tnejn ser nagħti ĦARSA ‘L QUDDIEM u nitkellem fuq il-kampanja elettorali ħarifa/xitwa ‘21~’22 u nistaqsi jekk għadx tasal biex tixpruna l-progett ġdid Nazzjonalista.