Newsbook fakkarna fir-reżenji li kien hemm fil-PN sena ilu. Li ma qalx, li r-reżenji għadhom sejrin

Blog post minn osservatur politiku

Newsbook għoġbu jfakkarna li bħal bieraħ sena saru numru ta’ riżenji minn kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista. Apparti li kien hemm xi wħud li rrinunżjaw għal kollox u spiċċaw mill-politika, kien hemm oħrajn li ddeċiedew li jibqgħu jservu lill-lokalita’ tagħhom bħala indipendenti. M’huwiex anniversarju li xi ħadd jieħu pjaċir iħares lejh jew jiftakar fih.

Dak kien perjodu fejn il-Partit Nazzjonalista, wara elezzjoni interna kumbattuta fuq kull livell, il-partit ħareġ pjuttost migruf u jidher ukoll dgħajjef. Ebda partit politiku ma jieħu pjaċir, li nies viċini u akkaniti tiegħu, jabbandunawh. Ma hiex xi ġurnata li Newsbook kellu għalfejn ifakkar.

Imma tiskanta kif ir-rappreżentanti tal-Knisja jsibu l-kuntentizza tagħhom iqajmu klieb rieqda. La hemm dan l-anniversarju ta’ min iħares ftit lejn il-Partit Nazzjonalista u jara x’tagħlim ħa minn avvenimenti bħal dawn. Ta min jiftakar ftit, jekk dak li ġara sena ilu ttieħidtx b’serjeta’ biżżejjed, li tagħmel minn kollox biex tipprova twaqqaf l-emoroġija li saret sena ilu.

Ikolli nammetti li minn dak li qrajt, dan it-telf ta’ sostenituri importanti tal-partit ma ġiex imwaqqaf. Minn dan l-anniversarju politiku iswed, jiġifieri minn sena ‘l hawn, il-Partit Nazzjonalista jidher ċar li dawn ir-riżenji ma ħadhomx bis-serjeta. Meta taqra li kien hemm iżjed minn dawn ir-riżenji, allura jkollok tgħid li l-kapurjuni tal-amministrazzjoni kurrenti, ma tantx tawhom importanza u ma ħadmux biżżejjed biex ma ikunx hemm aktar minnhom.

Minn sena ‘l hawn kien hemm iżjed minn dawn ir-riżenji, li jfisser li ma kienx hemm koordinazzjoni bejn il-kunsilliera u l-amministrazzjoni. Bil-fors li kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitatjiet.

F’dawn l-aħħar ġranet kien hemm riżenja oħra fl-Imqabba u minn kumment li rajt fuq Facebook, xi ħadd kiteb ‘and more yet to come’. Mela tfisser li kien hemm riżenja mill-minority leader u milli jidher hemm iżjed qed jinħmew.

Fejn hu l-Partit Nazzjonalista? Kif se jserraħ moħħ in-nies li l-amministrazzjoni qiegħda f’kuntatt kontinwu mar-rappreżentanti tagħha fil-lokalitajiet diversi li hemm madwar Malta u Għawdex? Min se jibgħat is-sinjal li ma hemm ebda inkwiet bejn ir-rappreżentanti tal-poplu fuq livell lokali u d-Dar Ċentrali? Min se jassigura li ma jsirux aktar minn dawn ir-riżenji, issa li qiegħdin lejlet elezzjoni ġenerali?

https://newsbook.com.mt/rizenji-fil-pn-minn-ftit-qrib-hafna-ta-delia/?fbclid=IwAR0tpeZ5IScUAfqWljAGRSTe55OYblWwQG52dwGdttkDkoJO-xf0nG4ntuQ

Leave a Reply