Where your opinion counts

Malta terġa tgawdi minn għajnuniet mill-U.E. Kemm kellhom raġun dawk il-politiċi li riedu li nkunu membri

Blog post minn osservatur politiku

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ġie rraportat mit-Times of Malta li rringrazzja li Kummissjoni Ewropea għal “its invaluable assistance”. Kemm tieħu pjaċir tisma’ dawn it-tip ta’ ringrazzjamenti meta tiftakar kemm ħambqu u għajtu kontra li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea u kemm xtaqu li jkollna Svizzera fil-Mediterran. Dan qed isir meta issa sirna nafu li il-pjan ta’ irkupru u reżiljenza għadda mill-aħħar fażi tiegħu u issa huwa finalizzat li Malta se tieħu s-somma ta’ €345 miljun, li minnhom hemm €316 miljun li huma għotja lil Malta minn Next Generation EU.

X’konna nieħdu kieku Malta qiegħda bħala Svizzera fil-Mediterran? Kemm għandna, bħala Maltin u Għawdxin, nirringrazzjaw lil dawk il-politiċi viżjonarji li tant spjegawlna l-benefiċċji li kien hemm lesti għalina jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea. Il-Maltin u l-Għawdxin aċċettaw fil-maġġoranza tagħhom dak li ġie imfisser dwar l-Unjoni Ewropea u llum Malta hija benefiċjarja kbira ta’ din l-Unjoni.

Ma nista’ qatt nimmaġina x’kien jiġri minn pajjiżna kieku ma ħadniex dak il-pass tant importanti għalina bħala Maltin u Għawdxin. Kif konna se niffaċċjaw il-problemi interni u internazzjonali li tfaċċajna f’dawn l-aħħar snin. Kienet l-Unjoni Ewropea li tellgħatna minn xaharna u waqfitna fuq saqajna u għinitna nirkupraw minn kull daqqa ta’ ħarta li d-dinja tal-lum u tal-bieraħ għoġobha titfa fuqna.

Din l-aħħar għajnuna li ġiet ikkonfermata fl-aħħar siegħat mill-EU Council of Ministers for Economic and Financial Affairs – ECOFIN. Issa kull ma jonqos hija l-firma tal-arranġament li sar bejn l-Unjoni u Malta. Kif tinxef dik il-firma Malta tibda tilqa l-għotja mogħtija biex nimplimentaw l-investiment u r-riformi miftehma.

Zrinzo Azzopardi rringrazzja lill-Unjoni għall-għajnuna ma taqta’ xejn biex Malta waslet għall-pjan li ġie mfassal flimkien u issa maqbul. Permezz ta’ din l-għotja Malta se tkun qed tiffaċċja diversi sfidi li ġew identifikati speċifikament għal pajjiżna waqt id-diskussjonijiet pożittivi li saru bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk tal-Unjoni.

Zrinzo Azzopardi għandu raġun ikun kuntent fl-għeluq ta’ dawn in-negozzjati. Għandu raġun ikun ferħan li Malta akkwistat dawn il-miljun biex dejjem tilqa’ l-isfidi kurrenti. Għandu raġun ikun sodisfatt li akkwista dawn il-miljuni għax kieku f’pajjizna ma kien jista’ jsir xejn minn dawn r-rakkomandazzjonijiet mifthema.

Illum ġo pajjiżna għandna għax inħossuna kburin li l-Prim Ministru tagħna jpoġġi fuq l-istess mejda mal-mexxejja kollha Ewropej u jista’ jagħmel dan f’rasu mogħlijja għax pajjiżna huwa stat ugwali tas-super potenzi ewropej u llum ebda pajjiż Ewropew ma jażżarda jħares lejn qisna makku, imma jrid jħares lejn pajjiżna bħal Stat sovran li għandu leħen daqs kull pajjiż fl-Ewropa.

2 thoughts on “Malta terġa tgawdi minn għajnuniet mill-U.E. Kemm kellhom raġun dawk il-politiċi li riedu li nkunu membri

  1. Ammissjoni perfetta (jekk qatt kien hemm bzonnha) li l-valur fiskali jisboq kull interess iehor. S’issa ghadu ma jidhirx ebda argument dwar l-armata li l-UE trid twettaq dalwaqt. Xi haga bhal din m’hemmx loghob mal-bzallu. In-nies li dahhluna fl-UE qalulna li din l-ghaqda hija ghal paci dejjiema. Imbagħad qalulna li se jkollha armata ghal kazijiet umanitarji. Issa qed jghidulna li se jkollha armata taghha.

    Jekk l-UE ser tibqa’ ghaddejjha bil-pjan skond ma qal Josep Borell ricentament, allura niesna jrid jaghmlu ezami tal-kuxjenza u jghidu minn ISSA jekk Malta ghandhiex tikkonsidra li thalli l-UE.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *