Ħlief għal The Shift, ħadd mill-media għadu ma tkellem fuq l-iskandlu tal-art f’Ħal Ferħ li jinvolvi lil Corinthia Group

Blog post minn osservatur politiku

Caroline Muscat kixfet skandlu ieħor din id-darba fuq Ħal Ferħ. Ms Muscat qed tgħid li l-Corinthia Group mhux se jħallsu l-€10.3 miljun li kien ikkonferma l-Gvern ftit tal-ġimgħat ilu imma se jħallas biss €1.3 miljun (aqraw dak li hu mehmuż). Dan huwa abbuż ieħor minn art pubblika miktrija minn Corinthia Group u li fiha dan l-istess grupp innegozja li jista’ jibni 25 villa residenzjali lussuza f’Ħal Ferħ.

Dan il-ftehim kien innegozjat mill-Ministru tal-Ekonomija, Silvio Schembri u l-Awtorita tal-Artijiet mal-Corinthia Group. L-art li fuqhom se jinbnew dawn il-vilel kienet immarkata bħala art esklussiva għal użu turistiku. Issa sirna nafu li minflok Corinthia Group tħallas l-ammont kollu bil-quddiem, hija qed tingħata konċessjoni li tħallas €1.3 miljun u l-kumplament tħallsu matul is-snin u kull darba li Corinthia tbigħ waħda mill-vilel. Corinthia qed jingħataw ċans jagħmlu dan fi żmien għaxar snin.

Xi ħaġa tal-iskantament hija li ħadd mill-media hekk taparsi indipendenti ma tniffset fuq konċessjoni bħal din. Kellha tkun Caroline Muscat li ħarġet b’din l-istorja, imma la l-gazzetti, la l-portals suppost indipendenti u lanqas il-media politika ma attakkat ereżija bħal din.

Ara meta Adrian Delia kien kap tal-Oppożizzjoni, huwa kien attakka il-ftehim li prova jakkwista l-grupp Corinthia biex idawwar l-lukanda Radisson li tinsab in-naħa tal-bajja ta’ San Ġorġ, f’appartamenti lussużi. Anke dak in-nhar kulħadd kien waqa’ fil-muta.

Lanqas dak iż-żmien ħadd mill-Partit Nazzjonalista ma ssogra jiftaħ ħalqu. U araw x’ħa Dr Adrian Delia għax ħadha qatta bla ħabel kontra l-familja Pisani. Imma xorta baqa’ leali lejn dak li jemmen fih Dr Adrian Delia għax anke issa tella’ post fuq dak li sar issa.

Kemm hu sewwa li tikkritika biss skond min ikun imdaħħal fil-business li jkun qed isir. Kemm hu sewwa li skond min ikun involut, il-Partit Nazzjonalista jiddeċiedi jekk jippronunzjax ruħu jew le.

Dan l-arranġament li ħareġ illum huwa kważi fotokopja ta’ dik li kien akkwista Silvio Debono tad-DB Group meta ħa l-art fil-bajja ta’ San Ġorġ, fejn kien hemm l-iskola tal-ITS biex jagħmel il-proġett kontraversali tiegħu. Kif kien sar dak in-nhar qed jerġa jsir illum. ll-Gvern mhux biss qed jikkonċedi art pubblika għal spiża ta’ ftit karawett, imma jagħmel arranġamenti b’modi ta’ ħlas li huma skandalużi.

U biex tkompli tgħaxxaqha l-Gvern ikkonċeda wkoll li jekk il-permess ta’ Corinthia ġewwa Ħal Ferħ ma joħroġx, għal xi raġuni jew oħra, il-Gvern ikun lest li jirrifondi l-flus imħallsa.

Qumu minn hemm sinjura media indipendenti. Qumu minn hemm partiti politiċi. Dik mhux art tagħkom li qed nitkellmu fuqha. Dik art tal-poplu u intom li qegħdin fil-parlament suppost qegħdin hemm biex taġevolaw lilna u mhux biex tagħtu l-art pubblika biċ-ċiċri. Intom suppost qegħdin tissalvagwardjaw il-ġid tal-poplu u mhux tpoġġu fuq platt tad-deheb, art pubblika imprezzabbli biex min hu miljunarju jkompli jsir sinjur minn fuq dahar il-poplu.

Bi ħbieb bħalkom, suppost rappreżentanti tal-poplu, bil-qegħda ssaħħnu biss il-pultruni tal-parlament, aħna bħala poplu ma għandniex bżonn infittxu l-għedewwa.

Leave a Reply